Il-Ġenituri u t-Trobbija

Kulħadd jaqbel li t-trobbija tat-tfal iġġib magħha diversi sfidi fil-ħajja ta’ kull ġenitur u persuni oħra li jkollhom sehem fit-trobbija. Min jaf kemm ikun hemm mumenti fejn persuna tħossha għajjiena, tiġi f’dubju jekk hix qed tikkoreġi lit-tfal b’mod korrett, ma tafx x’ħa taqbad tagħmel aktar, u jkollha aptit iċċedi u twarrab kollox minn quddiemha. Dawn kollha huma sitwazzjonijet u emozzjonijiet li tista’ tiltaqa’ magħhom. Hawn min jistaqsi, jeżisti stil ta’ trobbija speċifiku li jista’ jintuża biex jgħinek f’dawn is-sitwazzjonijiet?
 
Kull ġenitur għandu l-istil u l-metodi tiegħu/tagħha ta’ trobbija. M’hemm l-ebda stil ‘ideali’ li persuna tista’ timplimenta. Kull persuna, inklużi t-tfal, għandhom karattru, attitudnijiet u valuri differenti. B’hekk ma tistax tuża l-istess stil għall-każijiet u s-sitwazzjonijiet kollha. Barra minn hekk, taffettwa ħafna wkoll l-età tat-tfal. Tifel ta’ ħmistax-il sena ma tikkoreġihx bl-istess bod li tikkoreġi tifel ta’ sitt snin! L-importanti huwa li t-trobbija li tingħata tkun waħda pożittiva, ibbażata fuq rispett, imħabba, komunikazzjoni effettiva, ‘il bogħod minn kull vjolenza.

Kif tista’ tkun pożittiv ma’ uliedek?

Biex nagħtu eżempju, ħafna drabi l-ġenituri jgergru li uliedhom ma jridu jagħmlu xejn jew li qatt ma jgħinuhom. Mill-banda l-oħra jekk jagħmlu xi ħaġa, jgergru għax ma jogħġobhomx il-mod ta’ kif ikunu għamluha! Din tal-aħħar hija imġiba li mhix pożittiva. Il-ġenituri m’għandhomx jeqirdu l-inizjattiva li jieħdu t-tfal, avolja ma jkunux għamluha kif xtaqu. Il-kritika m’għandhiex tkun waħda distruttiva, bħal ‘M’għandek ħila tagħmel xejn’, ‘Hawnhekk x’għamilt?’, ‘Aħjar għamiltha jien!’. Frażijiet bħal dawn jiskoraġixxu lit-tfal milli jerġgħu jieħdu l-inizjattiva, għax jaqtgħu qalbhom u jħossuhom inutli. Importanti li nirringrazzjawhom u nirrikonoxxu dak li jkunu għamlu t-tfal, kif ukoll nuruhom kif darb’oħra jistgħu jwettquha aħjar.
 
Punt ieħor huwa dwar it-tip ta’ attenzjoni li l-ġenituri jagħtu lit-tfal. Ikun hemm każijiet fejn it-tfal ikunu jixtiequ xi ħaġa u jesprimu dan permezz ta’ imġiba diffiċli bħal għajjat, biki, tisbit tas-saqajn, fost l-oħrajn. Ikun hawn ġenituri li jirreaġixxu għal din it-tip ta’ imġiba u jispiċċaw jagħtu lit-tfal dak li jkunu jridu. Dan huwa l-agħar ħaġa li jistgħu jagħmlu għax lit-tfal ikunu qed juruhom li jekk dawn ser iġibu ruħhom ħażin, ser jikkuntentawhom. B’hekk jieħdu d-drawwa li kull darba li jkunu jridu xi ħaġa, inti ser tagħtihielhom sabiex huma joqogħdu kwieti. Reazzjoni oħra tista’ tkun xi daqqtejn sabiex joqogħdu kwieti. M’għandna qatt nużaw din it-tip ta’ imġiba fuq it-tfal, għax inkunu qed ngħaddu l-messaġġ li bil-vjolenza jistgħu jissolvew il-problemi. Meta nużaw il-vjolenza fuq it-tfal, dawn jispiċċaw jobdu biex jevitaw li jaqilgħu xebgħa, mhux għax ikunu ħadu t-tagħlima u jixtiequ verament jibdlu l-attitudni tagħhom. F’dawn il-każijiet is-soltu jkun aħjar li lit-tfal ma nkellmuhomx u nagħtuhom ċans jikkalmaw qabel naffrontawhom. Kif tikkalma s-sitwazzjoni għandna nkellmuhom bil-kwiet u nikkoreġuhom kif suppost.
 
Kampanja mill-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali
 
Għal dawn l-aħħar snin, il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, ħadmet bis-sħiħ sabiex iżżid l-għarfien dwar l-importanza li t-tfal jingħataw trobbija b’mod pożittiv ‘il bogħod minn kull tip ta’ vjolenza. Kull sena matul ix-xahar ta’ Mejju, il-Fondazzjoni tfakkar il-Jum għall-Protezzjoni tat-Tfal, li jiġi ċelebrat f’dati differenti minn diversi pajjiżi. Waqt din l-inizjattiva jintlibes ċoff blu bħala simbolu tat-tbenġil li ħafna tfal isofru minħabba abbuż. Din l-idea oriġinat meta fis-sena 1989, nanna Amerikana rabtet ċoff blu mal-antenna tal-karozza tagħha bħala tifkira għan-neputi tagħha, li ta’ tliet snin miet minħabba l-abbuż li kien jgħaddi minnu f’idejn missieru.
 
Il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, permezz tal-Aġenziji Appoġġ u Sedqa, toffri sapport lil bosta tfal u l-familji tagħhom permezz tad-diversi servizzi u programmi fil-komunità. Il-Fondazzjoni taħdem sabiex iżżid il-kuxjenza fost il-pubbliku kontra l-abbuż, tipproteġi lit-tfal, u tgħin lill-familja tibqa’ b’saħħitha. Huwa importanti li l-ġenituri jiżviluppaw ħiliet u jidentifikaw riżorsi li għandhom bżonn biex jifhmu u jilħqu l-bżonnijiet ta’ uliedhom u jipproteġuhom. Qatt mhu tard wisq biex ġenitur jibdel l-istil ta’ trobbija!
 
Fost l inizjatttivi li l Fondazzjoni toffri lill pubbliku, wieħed isib diversi korsijiet ta’ Parenting Skills organizzati mill Aġenzija Sedqa matul is sena, kif ukoll Family Workshops organizzati mill Aġenzija Appoġġ.