Il-Komunikazzjoni fil-Familja

Kemm-il darba nisimgħu l-frażi: “Inti qed tagħti kasi?” jew “Inti qed tisma’ x’jien ngħidlek?”. Bl-istress li ġġib magħha l-ħajja mgħaġġla li qed ngħixu, kulħadd xi darba jew oħra tant ikollu ħsibijiet għaddejin minn rasu, li bla ma jrid ma jkunx jaf x’qed jgħidlu ħaddieħor. Dan jista’ mhux biss  iffixkel il-komunikazzjoni ta’ bejnietna, iżda jista’ jwassal ukoll għal ġlied bla bżonn.

X’nifhmu b’komunikazzjoni effettiva fil-familja?
Komunikazzjoni effettiva tibbaża ruħha fuq żewġ kunċetti sempliċi iżda importanti: li wieħed jitkellem, kif ukoll jisma’. Il-qofol għal relazzjoni b’saħħitha hija l-importanza li nisimgħu lil xulxin. Dan jgħodd mhux biss bejn il-koppja, iżda wkoll bejn ġenitur u l-ulied, u kull relazzjoni oħra.

L-aktar żewġ fatturi li joħqolu kunflitt u nuqqas ta’ kuntentizza fil-familja huma n-nuqqas ta’ komunikazzjoni u komunikazzjoni ħażina. Min jaf kemm-il darba nieħdu għalina jekk xi membru tal-familja jonqos milli jgħidilna xi ħaġa li aħna nqisuha importanti. Jew inkella niftiehmu ħażin bejnietna u nispiċċaw nargumentaw għalxejn.

Nuqqas ta’ komunikazzjoni tista’ sseħħ meta ma nkunux moħħna hemm meta xi ħadd ikun qed jgħidilna xi ħaġa. Dan ifixkel milli tinbena relazzjoni tajba bejnietna. Barra minn hekk issib min waqt konversazzjoni jinterrompi l-ħin kollu. Għandna nagħtu ċans lil dak li jkun jesprimi ruħu u ninterrompu biss jekk ma nifhmux xi ħaġa u rridu niċċaraw x’aħna ngħidu.. B’hekk innaqqsu l-possibilità Ii nifhmu ħaġa b’oħra.

Kif għandna nikkomunikaw mat-tfal?
Biex familja tkun b’saħħitha, irid ikun hemm rieda soda mill-membri kollha biex kuljum iqattgħu ftit ħin fil-kumpanija ta’ xulxin. Dan jista’ jkun matul l-ikla ta’ filgħaxija, jew waqt it-te wara nofsinhar, skont l-istil ta’ ħajja u d-drawwiet tal-familja. Huwa irrelevanti wieħed fuqhiex jitkellem – l-importanti huwa li kulħadd jieħu gost jaqsam l-esperjenzi tiegħu mal-familjari l-oħra u nagħtu ċans lil kulħadd jgħid dak li jħoss. Il-ġenituri għandhom id-dmir li jinvolvu lit-tfal f’dawn il-konverżazzjonijiet, anki jekk dawn ikunu għadhom żgħar. Permezz t’hekk it-tfal iħossuhom importanti u parti mill-familja, kif ukoll minn età żgħira jifhmu l-importanza tal-komunikazzjoni.

Hemm drabi nagħmlu l-iżball li għax għadhom “tfal” ma nagħtux ċans lil uliedna jesprimu ruħhom u jgħidu dak li jaħsbu. Minkejja l-fatt li huma għadhom żgħar m’għandniex inħossuna superjuri għalihom u nikkritikawhom f’kulma jagħmlu. Huma għandhom dritt daqs l-adulti li jesprimu ruħhom. B’hekk mhux biss ikunu qed jiżviluppaw il-kapaċitajiet komunikattivi tagħhom, iżda wkoll il-personalità.

Huwa importanti li mat-tfal nużaw komunikazzjoni pożittiva. M’għandniex naraw biss dak li jagħmlu ħażin, iżda għandna nfaħħruhom u nippremjawhom tal-affarijiet tajba li jagħmlu. Aspett importanti ħafna huwa li, minkejja li aħna ġenituri, noffru ħbiberija lit-tfal tagħna. Għandna nsibu ftit ħin kuljum fejn nilagħbu magħhom u nagħmlu attivitajiet li huma jieħdu  gost bihom. U billi ngħannquhom waħda, jew ngħafsulhom ftit idejhom ma nkunux qed nagħmlu ħażin! Anzi nkunu qed nuruhom l-imħabba li għandna lejhom.

X’għandek tagħmel biex tikkomunika aħjar mat-tfal: 
  • Agħti l-attenzjoni lit-tfal meta jkunu qed jobdu ħalli ma jagħmlux xenati biex jiġbdu l-attenzjoni tiegħek
  • Sib mumenti fil-ġurnata sabiex tisma’ lil uliedek b’attenzjoni
  • Uri lit-tfal li int qed tifhem kif qed iħossuhom
  • Involvi lit-tfal f’deċiżjonijiet li jolqtu lilhom fejn hu possibli
  • Irrispetta l-opinjonijiet tat-tfal anke jekk ma taqbilx ma dak li jgħidu
  • Ikkritika l-azzjoni u mhux il-persuna
  • Żomm ruħek kalm u għaraf il-mumenti li tħossok se tirrabja
  • Tinvolvix lit-tfal fi problemi tal-adulti
  • Kun lest li tisma’ l-problemi li jkollhom u għinhom jgħelbu diffikultà

Kampanja mill-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali
Għal dawn l-aħħar snin fix-xahar ta’ Mejju, il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali taħdem bis-sħiħ sabiex iżżid l-għarfien dwar l-importanza li t-tfal jingħataw trobbija pożittiva ’l bogħod minn kull tip ta’ vjolenza. Permezz tal-Aġenziji Appoġġ u Sedqa, toffri sapport lil bosta tfal u l-familji tagħhom permezz tad-diversi servizzi u programmi fil-komunità. Il-Fondazzjoni taħdem sabiex iżżid il-kuxjenza fost il-pubbliku kontra l-abbuż, tipproteġi lit-tfal, u tgħin lill-familja tibqa’ b’saħħitha. Huwa importanti li l-ġenituri jiżviluppaw ħiliet u jidentifikaw riżorsi li għandhom bżonn biex jifhmu u jilħqu l-bżonnijiet ta’ wliedhom u jipproteġuhom. Qatt mhu tard wisq biex ġenitur jibdel jew ittejjeb l-istil ta’ trobbija!