Stqarrija għall-Istampa - Ċoff Blu għall-Protezzjoni tat-Tfal

It-tfal għandhom il-bżonn li jikbru f’ambjent fejn ikunu rispettati u maħbuba, ikollhom id-drittijiet tagħhom imħarsa, jiġu ggwidati fid-deċiżjonijiet tagħhom, u li jkunu megħjuna biex jissawru f’individwi mingħajr ma jkunu maħnuqa, waqt li jiżviluppaw il-personalità tagħhom. Dan hu possibbli permezz ta’ trobbija pożittiva, ’il bogħod minn kull tip ta’ abbuż.

Trobbija pożittiva hi t-tema tal-kampanja nediet llum il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, Ċoff Blu għall-Protezzjoni tat-Tfal, li permezz tagħha l-Fondazzjoni trid iżżid l-għarfien dwar l-importanza li t-tfal jingħataw trobbija tajba f’ambjent ta’ familja, fejn ikunu maħbuba u stmati. Bħala tifkira tal-Jum għall-Protezzjoni tat-Tfal, li jiġi ċelebrat f’dati differenti minn diversi pajjiżi, jintlibes ċoff blu bħala simbolu tat-tbenġil li ħafna tfal isofru minħabba abbuż. L-idea taċ-ċoff blu oriġinat meta fis-sena 1989, nanna Amerikana rabtet ċoff blu mal-antenna tal-karozza tagħha bħala tifkira għan-neputi tagħha, li ta’ tliet snin miet minħabba l-abbuż li kien jgħaddi minnu f’idejn missieru.

Malta qed tfakkar dan il-jum bit-tnedija ta’ din il-kampanja, li permezz tagħha rridu nenfasizzaw li hija r-responsabbiltà tagħna lkoll li nipprevenu kull abbuż. Permezz taċ-ċoff blu nkunu qed nirrikonoxxu l-impenn tagħna kontra dan l-abbuż.

‘L-għan tagħna hu li nżidu l-kuxjenza li l-abbuż tat-tfal qatt ma għandu jkun ġustifikat u tollerat, u nipproteġu lit-tfal waqt li ngħinu lill-familja tibqa’ b’saħħitha.’ Dan qalitu s-Sinjura Sina Bugeja, Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, waqt l-indirizz tagħha fil-konferenza stampa fl-iskola Primarja tal-Birgu. ‘Qed nagħmlu dan permezz tad-diversi interventi fil-pubbliku dwar ir-rwol tal-ġenituri u ngħaddu informazzjoni li għandha tgħinhom jagħtu trobbija pożittiva lit-tfal, ’il bogħod mill-vjolenza u l-abbuż’. Is-Sinjura Bugeja żiedet li għandu jkun hemm reviżjoni ta’ dawk l-aspetti fil-liġi li għandhom bżonn jitjiebu sabiex nassiguraw li s-soċjetà tal-lum tkun kapaċi tirrispondi għal theddid ġdid li dejjem qed jiżdied.

Fl-indirizz tagħha, s-Sinjura Yvonne Mallia, Direttur Operattiv tal-Aġenzija Appoġġ saħqet fuq il-kura li tagħti l-Aġenzija lit-tfal u l-familji, speċjalment permezz tad-diversi servizzi u programmi fil-komunità. Hi saħqet li l-protezzjoni tat-tfal, speċjalment il-ħarsien mill-abbuż, hu ta’ prijorità għall-Fondazzjoni, u temmen ukoll li t-tisħiħ tal-familja, aktar kuxjenza fost il-pubbliku kontra l-abbuż, u li wieħed jindirizza l-bżonnijiet tal-komunità, huma l-aħjar modi ta’ prevenzjoni mill-abbuż, jew kif jista’ jitnaqqas ir-riskju ta’ abbuż. Għalhekk din is-sena l-Aġenzija, b’ħidma ma’ servizzi oħra fi ħdan il-Fondazzjoni, qed taħdem fuq din il-kampanja sabiex tgħin lill-ġenituri jiżviluppaw ħiliet u jidentifikaw riżorsi li għandhom bżonn biex jifhmu u jilħqu l-bżonnijiet tat-tfal tagħhom u jipproteġuhom.

Għalhekk l-għan ta’ din il-kampanja hu li niffukaw fuq ir-responsabbiltajiet tal-ġenituri u kif dawn jistgħu jagħtu trobbija pożittiva lit-tfal tagħhom – trobbija ffukata fuq l-imħabba, l-inkoraġġiment, dixxiplina, kura u ambjent pożittiv, minflok kritika, abbuż u vjolenza li jwasslu lit-tfal biex jikbru insikuri, bla dixxiplina u mingħajr kunfidenza u stima lejhom infushom.

Il-kampanja ser tkun tinkludi numru ta’ interventi fuq il-mezzi tax-xandir, pubblikazzjoni ta’ materjal dwar trobbija pożittiva immirat lejn il-ġenituri kif ukoll ktejjeb immirat lejn it-tfal dwar l-abbuż, u pubblikazzjoni ta’ artikli u informazzjoni dwar trobbija pożittiva fil-ġurnali u rivisti lokali. Dan apparti l-ħidma kontinwa matul is-sena speċjalment mill-Aġenziji Appoġġ u Sedqa fi ħdan il-Fondazzjoni permezz ta’ programmi u interventi fil-komunità, bħal programmi ta’ prevenzjoni fl-iskejjel, korsijiet ta’ parental skills, diskussjonijiet ma’ gruppi ta’ ġenituri u edukaturi, servizzi li jgħinu lill-familja f’sitwazzjonijiet diffiċli, kif ukoll proġetti mmirati li jgħinu lill-familja ttejjeb is-sitwazzjoni soċjali tagħha, il-kapaċitajiet, il-livell ta’ edukazzjoni u r-rabtiet tagħha ma’ servizzi oħra fil-komunità.

Preżenti għat-tnedija kien hemm il-Ministru għall-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja, l-Onorevoli Dolores Cristina; diversi professjonisti li jaħdmu direttament mat-tfal u l-familja, inkluż diversi professjonisti mill-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni, mill-qasam tas-saħħa u tal-ġustizzja; kif ukoll numru ta’ studenti tal-Kulleġġ Santa Margerita u l-ġenituri tagħhom.