Traskuraġni – Tip Ieħor ta’ Abbuż tat-Tfal

Ħafna drabi bit-terminu “abbuż tat-tfal” mill ewwel jiġina f’rasna abbuż fiżiku jew abbuż sesswali. Waħda mir-raġunijiet li jsir dan hija minħabba s-sensazzjonaliżmu li l-abbuż sesswali u dak fiżiku b’mod speċjali fuq tfal, iġorru magħhom. B’hekk huma l-iktar żewġ termini magħrufa. Iżda jeżistu forom oħra ta’ abbuż li ħafna drabi, l-effetti negattivi tagħhom m’humiex daqstant magħrufa. Minkejja dan, dawn l-abbużi xorta jistgħu jkollhom impatt qawwi fuq il-ħajja tat-tfal. Abbuż emozzjonali huwa wieħed mill-kawżi ewlenin ta’ self-esteem baxx fit-tfal. Abbuż emozzjonali ma jinkludix forza fiżika iżda t-tfal jiġu mbeżżgħa, intimidati, kif ukoll ċerta protezzjoni żejda ma tħallihomx jiżiluppaw il-potenzjal emozzjonali tagħhom kif suppost. B’hekk din il-forma ta’ abbuż tħalli effett negattiv ħafna fuq il-psikoloġija tat-tfal. Jista’ jkun il-każ li t-tfal jiġu abbużat emozzjonalment biss jew inkella ikunu qed jesperjenzaw aktar tipi ta’ abbuż, eżempju jkunu abbużati emozzjonalment kif ukoll fiżikament. Hemm forma oħra ta’ abbuż li ma tantx nisimgħu biha. Din hija t-traskuraġni.

X’nifhmu bi traskuraġni?

Filwaqt li kemm abbuż fiżiku kif ukoll dak sesswali jikkonsistu minn azzjonijiet fiżiċi minn persuna oħra fuq it-tfal, it-traskuraġni tinvolvi nuqqas ta’ azzjoni. It-tfal jiġu traskurati meta l-ġenituri jew persuni oħra li jkunu afdati bil kura tagħhom, jonqsu milli jagħmlu ċerta affarijiet bżonnjużi fit-trobbija tat-tfal u li huma indispenssabli għas-saħħa fiżika kif ukoll għall-iżvilupp emozzjonali tat-tfal.

It-traskuraġni tista’ tħalli effett negattiv fuq is-saħħa tat–tfal, meta dawn ma jingħatawx biżżejjed ikel, jew saħansitra jitħallew għal ħafna żmien bil-ġuħ. Eżempji oħra huma nuqqas ta’ attenzjoni medika f’każijiet ta’ mard; tfal li jkollhom nuqqas ta’ iġjene fiżika; ħwejjeġ mhux adekwati skont l-istaġuni; ma jkollhomx post addattat fejn jorqdu; jitħallew għal ħin twil waħedhom; fost l-oħrajn. Dawn l-eżempji, meta jkunu qed isiru b’mod repetittiv u regolari, kollha jħallu effetti negattivi fuq is-saħħa tat-tfal.

It-traskuraġni tista’ tkun ukoll emozzjonali. Din titqies bħala n-nuqqas ta’ affezzjoni u mħabba lil tfal li jkunu għadhom qed jiżviluppaw. It-tfal għandhom bżonn jifhmu li huma maħbuba minn min jieħu ħsiebhom. Dan jista’ jsir f’diversi forom, bħal kummenti ta’ inkoraġġiment; infaħħru lit-tfal meta jagħmlu xi ħaġa tajba; ma nibżgħux ngħidulhom li nħobbuhom; kif ukoll xi tgħanniqa jew turija ta’ affezzjoni ma tagħmilx ħażin! Jekk it-tfal qatt ma jesperjenzaw din it-tip ta’ affezzjoni, jikbru mingħajr ma jkunu kapaċi jifhmu l-emozzjonijiet tagħhom u jkollhom diffikultajiet fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ persuni oħra. Huma jispiċċaw ma jkunux jafu kif għandhom jesprimu l-emozzjonijiet tagħhom mal-oħrajn, b’hekk jispiċċaw jingħalqu fihom infushom, jew inkella jesprimuhom b’mod mhux adekwat.

Huwa importanti li nsemmu li mhux kulħadd jittraskura lit-tfal intenzjonalment. Ikun hemm każijiet fejn it-tfal jiġu traskurati mill-ġenituri tagħhom jew minn min jieħu ħsiebhom minħabba l-fatt li huma stess kienu traskurati meta kienu żgħar, b’hekk ma jafux x’għandhom jagħmlu biex irabbu lit-tfal tajjeb. Raġuni oħra tista’ tkun li min jieħu ħsieb it-tfal ma jkollux il-mezzi finanzjarji neċessarji biex jieħu ħsiebhom materjalment, b’hekk it-tfal jispiċċaw ma jkollhomx l-affarijiet bażiċi meħtieġa.

Tfal iħossuhom differenti minn ħaddieħor

Tfal vittmi ta’ traskuraġni jkollhom aktar riskju li jitwarrbu minn sħabhom l-oħra tal-klassi u jħossuhom inferjuri fejn ħaddiehor. Minħabba li jiġu traskurati, fatturi bħal mard u l-iġjene personali ta’ dawn it-tfal, ibiegħdu lil tfal oħra milli joqogħdu ħdejhom. Barra minn hekk, dawn it-tfal għandhom emozzjonijiet bħal kull persuna oħra. Għalihom tkun għafsa ta’ qalb jarawhom daqstant differenti minn sħabhom u li qatt ma jkunu jistgħu jkunu bħat-tfal “normali” l-oħra. Dawn il-ħsibijiet jibqgħu mat-tfal tul l-adoloxxenza, iż-żgħożija kif ukoll fil-ħajja adulta tagħhom. B’hekk jinħoloq ċiklu u terġa’ tirrepeti ruħha l-istorja ta’ abbuż meta jasal iż żmien li huma jibdew jieħdu ħsieb uliedhom. Persuna li tkun vittma ta’ abbuż waqt it-tfulija, l-unika mod ta’ trobbija li taf hija waħda traskurata, fejn qatt ma kellha aċċess għall-affarijiet bażiċi u ħadd qatt ma qalilha inħobbok! B’hekk, kif tista’ din il-persuna toffri trobbija tajba bbażata fuq prinċipji sodi lit-tfal tagħha?

Għajnuna mill-Aġenzija Appoġġ

Ikun hemm każijiet fejn il-ġenituri jittraskuraw lit-tfal għax ġenwinament qatt ma jkunu tgħallmu x’għandhom jagħmlu, jew ikun hemm fatturi oħra preżenti bħal problemi soċjali kunflitti fil-familja abbuż minn sustanzi, fost l-oħrajn. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, professjonisti mill-Aġenzija Appoġġ jgħinu lill-ġenituri f’diversi aspetti kemm soċjali kif ukoll psikoloġiċi. Permezz ta’ terapija, min jieħu ħsieb it-tfal jifhem xi jkun qed jagħmel ħażin kif ukoll ikollu l-opportunità jitgħallem ħiliet ġodda biex itejjeb il-kwalità ta’ ħajja li jkunu qed jgħixu dawn it-tfal. Dawn il-familji jingħataw ukoll is-sapport meħtieġ permezz ta’ servizzi fil komunità biex jegħlbu ostakli oħra soċjali li jkunu qed ikabbru din il-problema.

L-Appoġġ toffri numru ta’ servizzi speċjalizzati għat-tfal li għaddejin minn żmien diffiċli fil-ħajja tagħhom. L-għan ta’ dawn is-servizzi huwa li jiġu mħarsa d-drittijiet tat-tfal, ikollhom iċ-ċans jgħixu f’ambjent ta’ familja kif jistħoqqilhom, kif ukoll dejjem jiġu mħarsa l-aħjar interessi tagħhom.