Trobbija Pożittiva u l-Isfidi li Jiltaqgħu Magħhom il-Ġenituri

X’inhi trobbija pożittiva?

Riċentement, qed nisimgħu ħafna bit-terminu trobbija pożittiva. Din it-tip ta’ trobbija tinkludi metodi li l-ġenituri jużaw fit-trobbija ta’ wliedhom: modi li jħarsu l-aħjar interessi tat-tfal u d-drittijiet tagħhom, li joffrulhom gwida fid-deċiżjonijiet tagħhom, isawruhom f’individwi mingħajr ma jkunu maħnuqa, u li jgħinuhom jiżviluppaw il-personalità tagħhom. Trobbija pożittiva hi trobbija mingħajr ebda tip ta’ abbuż, kif ukoll dixxiplina li tgħin fl-iżvilupp tat-tfal. Dan kollu hu possibbli f’atmosfera pjaċevoli u ambjent ta’ familja pożittiv.

Din it-trobbija ddur madwar diversi fatturi importanti, li fost oħrajn jinkludu:
  • Napprezzaw dak li jagħmlu t-tfal
  • Nagħtuhom iċ-ċans jagħmlu attivitajiet li bihom iħossuhom importanti
  • Niggwidawhom dwar x’inhu tajjeb u ħażin, waqt li nuruhom il-konsegwenzi tat-tnejn ħalli jkunu jistgħu jieħdu deċiżjoni bbażata fuq dak li jafu
  • Ninkoraġġuhom jippruvaw jagħmlu xi ħaġa aktar milli nikkritikawhom jekk jagħmluha ħażina
  • Nibnu rapport magħhom ibbażat fuq imħabba, komunikazzjoni u rispett
  • Nikkoreġuhom mingħajr ma nagħmlu użu minn vjolenza.
 
Dawn punti jgħinu mhux biss biex it-tfal jikbru b’mod b’saħħtu iżda wkoll biex ikun hemm atmosfera trankwilla u pożittiva fil-familja. Għandna nifhmu li t-tfal ukoll għandhom id-drittijiet tagħhom, inkluż id-dritt li jkunu protetti, li jipparteċipaw f’attivitajiet li jinterassawhom, li jiġu mismugħa u li jesprimu ruħhom. Huwa importanti li huma jkunu jafu xi drittijiet għandhom, iżda huwa wkoll importanti li jifhmu li għandhom numru ta’ dmirjiet xi jwettqu.

Ħafna persuni għandhom memorji sbieħ tat-tfulija – żmien fejn ma kellna inkwiet ta’ xejn, dejjem niġġerrew ferriħija u fejn l-innoċenza kienet tirrenja. Żgur li niftakru mumenti sbieħ li qattajna mal-ġenituri tagħna. Madankollu, din tista’ ma tkunx l-esperjenza ta’ kull wieħed u waħda minnha. Ċerti wkoll li l-ġenituri ma jkunux sabuha faċli biex ikunu tawna din l-esperjenza ta’ trobbija pożittiva.

Min rabba jew qed irabbi t-tfal jaf tajjeb kemm wieħed iħabbat wiċċu ma’ sfidi matul it-trobbija tal-ulied. Dawn l-isfidi fis-soċjetà moderna tal-lum huma varji, u jistgħu jinkludu diversi minn dawn li ġejjin:
  • il-bilanċ bejn il-familja u x-xogħol
  • ħin personali għalihom biex jistrieħu u jiżviluppaw ir-relazzjoni tagħhom
  • kunflitti fl-istili ta’ trobbija bejn dak li jixtiequ l-ġenituri u l-istil tan-nanniet jew ta’ min qed jgħinhom fit-trobbija ta’ wliedhom
  • in-neċessità li l-ġenituri jkomplu jaħdmu t-tnejn
  • pressjoni mill-ħbieb
  • kif wieħed jikkontrolla l-istress b’mod ġenerali
 
Dan kollu jista’ jkun aggravat jekk il-familja tkun qed tesperjenza diffikultajiet finanzjarji, problemi ta’ saħħa jew diffikultajiet soċjali oħra, li jistgħu jkunu qed jikkontribwixxu biex il-familja tkun iżolata soċjalment.

Għalhekk, it-trobbija tat-tfal tiddependi mill-esperjenzi individwali u l-istil ta’ ħajja ta’ kull familja.

Elementi importanti fit-trobbija

L-ewwel snin ta’ trobbija tat-tfal huma kruċjali sabiex jiffurmaw il-karattru u l-personalità tagħhom. Għalhekk, dak li nagħmlu magħhom fit-tfulija, jibqa’ magħhom tista’ tgħid tul ħajjithom kollha. Hemm ċerti fatturi li huma importanti sabiex it-tfal ikollhom trobbija b’saħħitha. Fost l-aktar importanti nsibu:
  • il-kontinwità fl-istil ta’ trobbija,
  • komunikazzjoni pożittiva, u
  • li t-tfal jingħataw l-attenzjoni mistħoqqa.
 
Jekk, pereżempju, it-tfal jgħaddu tul ta’ ħin man-nanniet minħabba li l-ġenituri jkunu għax-xogħol, l-istil ta’ trobbija tan-nanniet u l-ġenituri għandu jkun l-istess kemm jista’ jkun. It-tfal għandhom jiġu trattati bl-istess mod. Għalhekk hemm bżonn li jkun hemm qbil bejn il-ġenituri u min qed jieħu ħsieb it-tfal. Din il-kontinwità tagħti stabbilità lit-tfal filwaqt li tgħin ukoll speċjalment fejn jidħlu aspetti ta’ dixxiplina.

M’għandniex inqisu lin-nanniet biss bħala babysitters. Għandu jkun hemm komunikazzjoni tajba magħhom, fejn il-genituri jispjegawlhom b’liema mod huma qed iġibu ruħhom mat-tfal, biex b’hekk in-nanniet ikunu jistgħu jużaw l-istess metodu. Minħabba l-bidla fil-ġenerazzjonijiet, din tista’ tkun ftit diffiċli. Kulħadd jaf li n-neputijiet huma l-mimmi t’għajnejn in-nanniet! Iżda huwa importanti li n-nanniet jifhmu li ż-żminijiet inbidlu, u l-mod kif huma kienu jrabbu lil uliedhom, jista’ jkun li m’għadux japplika għall-ħajja tal-lum, jew ma jkunx l-istil ta’ trobbija li jippreferu l-ġenituri. Jekk it-tfal ħa jidraw jimxu mal-ġenituri mod u man-nanniet mod ieħor dawn ser jitgerfxu. Imbagħad jibdew jinħolqu sitwazzjonijiet fejn it-tfal jagħżlu li jimxu mal-istil ta’ trobbija li hu komdu għalihom.

It-tfal għandhom bżonn ħafna mħabba mill-ġenituri, flimkien ma’ kura u attenzjoni individwali, gwida u sens ta’ sigurtà. F’dinja fejn it-teknoloġija qed tieħu ħafna importanza u prijorità, hu importanti li wieħed jieqaf u jqatta’ ftit ħin ta’ kwalità mat-tfal. Xi jsir matul dan il-ħin mhux daqstant importanti, sakemm it-tfal qed jingħataw l-attenzjoni mistħoqqa.

Pero, il-qofol ta’ kollox tibqa’ l-komunikazzjoni effettiva fil-familja, kemm bejn il-ġenituri kif ukoll bejn il-ġenituri u l-ulied. Tfal ta’ kull età għandhom bżonn li l-ġenituri jieqfu jisimgħuhom, jagħtuhom l-attenzjoni meħtieġa, u jqattgħu ħin ta’ kwalità magħhom.

Punti għall-ġenituri
  • Tkellem mat-tfal u uri interess f’dak li għaddew minnu matul il-ġurnata.
  • Ieqaf u isma’ lit-tfal! Dan itihom sens ta’ sigurtà u jgħinhom jibnu l-istima lejhom infushom. Ħares f’għajnejhom, ara x’ton tuża magħhom, oqgħod attent/a x’pożizzjoni tuża – it-tfal jindunaw tkunx qed tippretendi li qed ittihom l-attenzjoni jew tkunx ġenwinament interessat/a f’dak li qed jgħidulek.
  • Uri li qed tifhem dak li qed jgħidulek u kkjarifika xi punti li jgħidulek ħalli tevita li jasal messaġġ żbaljat.
  • Meta tagħtihom attenzjoni sħiħa, it-tfal iħossuhom importanti u li qed jilħqu dak li hu mistenni minnhom. Dan jgħinhom ikunu individwi kunfidenti u bi stima għolja tagħhom infushom.
  • Meta tiddiskuti magħhom għinhom jesprimu l-emozzjonijiet tagħhom. Ħafna drabi t-tfal ikunu jridu biss jaqsmu xi ħaġa miegħek u mhux bilfors ikunu qed jistennewk ittihom soluzzjoni.
  • Kull familja jkollha kunflitti. L-importanti hu li titrattahom b’mod effettiv, speċjalment permezz ta’ komunikazzjoni miftuħa u pożittiva bejn il-membri kollha tal-istess familja.