Dwar il-ksur ta' protezzjoni tad-data minn impjegat tal-FSWS

Publication Date: Feb 01, 2017
 
Il-provi miġjuba kemm fil-Bord tal-Investigazzjoni u kemm fil-Bord tal-Appell juri li kienet il-persuna implikata li għaddiet data personali li kellha fil-pussess tiegħha lil terzi persuni u b’ hekk kiser il-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Data.
 
1. Waqt li mhijiex il-prattika tal-FSWS li tikkummenta dwar proċeduri interni ta’ dixxiplina, u dan fl-interess tal-impjegati stess li jkunu għaddejjin minn dawn il-proċeduri, ninsabu fid-dmir li nikkorreġu x’ineżattezzi u nofs veritajiet li ntqalu dwar il-każ ta’ impjeġat tal-FSWS f’ċerti sezzjonijiet tal-media.

2. Nibdew billi nikkorreġu xi inkoretteza fejn intqal li l-Kap Eżekuttiv tal-FSWS, Alfred Grixti, ġie kkuntattjat minn xi gazzetta biex jagħti xi kumment dwar il-każ u li hu ma weġibx fil-ħin. Is-Sur Grixti ma weġibx għax la hu, la d-Dipartiment tal-Marketing u Komunikazzjonijiet tal-FSWS u lanqas l-Aġenzija Appoġġ ma rċevew talba ta’ din ix-xorta. U dan għax il-gazzetta in kwistjoni għal xi raġuni għażlet li tibgħat il-mistoqsijiet fuq email ġeneriku li la jintuża direttament mis-Sur Grixti, u lanqas mid-Dipartiment tal-Marketing u Komunikazzjonijiet. Il-mezzi kollha tal-media, inkluż din il-gazzetta partikolari u din il-ġurnalista partikolari għandhom kemm in-numru tal-mobile tas-Sur Grixti u l-indirizz elettroniku tiegħu bħalma għandhom tal-persuna responsabbli mill-media fl-FSWS. Għaldaqstant, li kieku din il-gazzetta u din il-ġurnalista verament riedu tweġiba kienu jikkuntattjaw jew lis-Sur Grixti, jew lid-Dipartiment tal-Marketing u Komunikazzjonijiet direttament kif dejjem għamlu fl-imgħoddi.

3. It-tieni, dawn il-proċeduri huma għalkollox interni u dak li ġie żvelat, anki jekk sar mill-impjegat ikkonċernat jew minn min jirrapreżentah, hu fih innifsu ksur ieħor tal-Protezzjoni tad-Data li l-FSWS, bħal kull entità pubblika oħra, hija marbuta biha.

4. It-tielet, dak li sar fil-konfront tal-persuna implikata sar skont il-proċeduri stabbiliti fil-Ftehim Kollettiv u sar għax, għall-ewwel darba kemm ilha teżisti l-FSWS, il-Fondazzjoni nstabet ħatja mill-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data bi ksur tal-Liġi dwar il-ħarsien tad-data. Kien għal din ir-raġuni u għal din ir-raġuni biss li l-Bord tad-Diretturi tal-FSWS iddeċieda li għandha ssir investigazzjoni tal-każ u li wara li ġiet konkluża din l-investigazzjoni minn bord indipendenti l-istess Bord tad-Diretturi ddeċieda li għandu jinħatar Bord ta’ Dixxiplina skont kif jipprovdi l-Ftehim Kollettiv.

5. Għaldaqstant, hija għalkollox frivola li saret xi witch hunt jew vendikazzjoni kontra l-persuna implikata. Fil-fatt, il-Bord tal-Investigazzjoni ikkonkluda li: 

“ .... fuq l-istat tal-provi f’ dan il-każ, sija orali kemm dokumentali, ma jistax ma jiġix desunt minn dan il-Bord, anki għaliex dan hu tant ċar u ovvju, illi mill-fergħa tal-Fostering ġewwa l-Aġenzija Appoġġ għaddiet lil terzi data – anke jekk limitatament għal-mobile phone numbers – tal-foster carers, kompriżi ta’ dawk l-individwi li kienux membri tal-NFCAM. Dan wassal biex il-Fondazzjoni nstabet ħatja għal ksur tad-Data Protection u inflitta penali amministrattiva mill-Kummissarju tad-Data. 

Ukoll fuq il-bażi fattwali l-provi – in partikolari prodotti minn xhud prinċipali – juru mingħajr ebda ekwivoku illi l-persuna li għamlet aċċessibbli dik id-data ma kienx għajr il-persuna implikata responsabbli mit-tim. Ma jistax jonqos li jiġi ravvisat fir-rigward illi, tenut kont tal-pożizzjoni fiduċjarja tiegħu, kien altament indikat lilu, bħala diliġenza imposta mir-rispett tal-preċett fundamentali tal-kunfidenzjalità, illi hu kellu jsegwi fedelment ir-regoli traċċjati fil-Kodiċi ta’ Kondotta u tal-Ftehim Kollettiv. Fuq kollox, Policy No. 35 intitolata Data Protection Policy. Multo magis, imbagħad, meta fit-trapass ta’ dik id-data lil terza persuna huwa naqas milli preventivament jottjieni l-awtorizzazzjoni tal-kapijiet tiegħu, u superjorment, il-kunsens tad-data subject.”

6. Wara li l-persuna implikata appellat id-deċiżjoni tal-Bord tad-Dixxiplina, kif kellu kull dritt jagħmel dwar il-konklużjoni li kien hu li abbusivament u mingħajr ebda awtorizzazzjoni mingħand l-ebda wieħed mis-superjuri tiegħu, ġiet ikkonfermata mill-Bord tal-Appell.
 
7. Fil-fatt, il-Bord tal-Appell ikkonkluda hekk: 

“Minn dak li sar magħruf matul dan il-proċess ma hemmx dubju li kien il-persuna implikata li għaddiet in-numri telefoniċi ċellulari lil terza persuna ... 

 ........ dan minnu nnifsu jgħabbi lil persuna implikata b’iżjed responsabbilità, meta wieħed jikkonsidra li dan mhux biss kien fid-dmir li jara li t-tixrid ta’ informazzjoni personali issir biss għal skopijiet li din tkun miżmuma għandu iżda li l-aġir tiegħu seta’ jservi ta’ eżempju skorrett għal impjegati l-oħra li kienu jaqgħu taħtu. 
 
Fl-ambitu tal-legislazzjoni tal-Protezzjoni tad-Data, il-Bord iqis li ‘numru telefoniku personali’ huwa ‘data personali’ (b’mod partikolari fl-era digitali li ngħixu fiha llum). Dan għaliex permezz ta’ tali numru tista’ mingħajr ħafna xkiel tasal sabiex tiddentifika l-persuna minn hi.”   

8. Dan kollu juri li dak li għadda minnu l-persuna implikata għax ġabu hu b’ idejh għax għalih ma hemmx distinzjoni bejn ir-rwol tiegħu bħala impjegat tal-FSWS, u fejn jaf li jrid joqgħod għal dak li tgħid il-Liġi tal-Protezzjoni tad-Data, u l-attività ta’ wara x-xogħol tiegħu ma’ NGO partikolari fil-qasam tal-Fostering. Kemm il-management tal-FSWS u kemm tal-Aġenzija Appoġġ kienu ilhom jiġbdulu l-attenzjoni għal dan il-kunflitt ta’ interess bil-kelma t-tajba għal diversi snin iżda, għal raġunijiet li jaf hu biss, il-persuna implikata għażlet li tinjora dawn it-twissijiet bil-konsegwenza li ġabet dan kollu b’ idejh.

9. Il-Fondazzjoni tqis il-konfidenzjalità u d-dritt tal-protezzjoni tal-privatezza tal-klijenti kollha tagħha bħala kardinali. Kull tip ta’ informazzjoni li professjonisti b’xi mod jew ieħor joħorġu huwa meqjus bħala aġir irresponsabbli u li jista’ jkun ta’ detriment kemm għal Fondazzjoni u wisq aktar għall-klijenti. Għaldaqstant huwa importanti li ħaġa bħal din ma titteħidx bħal qisu qatt xejn mhu xejn.

10. Kull professjonist/a li jaħdem mal-FSWS għandu jsegwi l-proċeduri fejn tidħol media sabiex tissalvagwardja l-privatezza tal-persuni. Ta’ min isemmi li meta din il-proċedura tinkiser, tinġibed l-attenzjoni ta’ dawk li jkunu kisruha, sabiex kulħadd jimxi mal-proċeduri interni tal-Fondazzjoni. Fil-fatt għalhekk il-Fondazzjoni tieħu stand li ħafna drabi ma tweġibx għal attakki li jsirulha fuq il-media għax tkun qed tipproteġi l-kunfidenzjalità tal-impjegati kif ukoll il-klijenti tagħha.