Meta ma Bqajniex Nikkomunikaw Biżżejjed mat-Tifel

​Ilni miżżewġa għal dawn l-aħħar disa’ snin. Jien u James dejjem kellna relazzjoni soda bejnietna. Wara sentejn żwieġ kellna l-ewwel tarbija Daniel u Elena ingħaqdet magħna sitt snin wara. Jien u James dejjem għamilna minn kollox sabiex uliedna jkollhom kulma għandhom bżonn. Wara t-twelid ta’ Elena erġajt ħriġt naħdem part-time sabiex inkunu nistgħu llaħqu aktar mal-bżonnijiet tal-familja.
 
Nammetti li din is-sitwazzjoni bdiet taffettwana xi ftit bħala familja. Kemm jien u kemm James konna nkunu dejjem għajjenin, bejn xogħol, faċendi fid-dar, l-attenzjoni kontinwa li jkollha bżonn Elena, konna qed nittraskuraw xi ftit lil Daniel. Daniel huwa tifel kwiet u magħluq fih innifsu. Qatt ma kien tifel li tista’ tgħidlu mqareb. Iżda dan l-aħħar l-atteġġjament tiegħu inbidel. Sar nervuż, biex jgħajjat u jsabbat saqajh ma jrid xejn u ankè jirrispondi. Bdejna ninkwetaw u ma stajniex nikkontrollawh aktar.
 
Jien u James iddeċidejna li nikkuntattjaw lill-Aġenzija Appoġġ biex nieħdu parir professjonali. Ċempilna fuq Supportline 179 u sibna voluntiera mħarrġa li semgħet il-problema tagħna u irreferitna għand social worker tal-istess aġenzija li għenitna fit-trobbija tat-tifel tagħna. Irrealizzajna li Daniel beda jħossu waħdu. Sforz tal-ħajja mgħaġġla li konna qed ngħixu, ma konniex qed nagħtuh biżżejjed attenzjoni. Biex jattira l-attenzjoni tagħna bidel l-imġiba tiegħu.
 
Żammejna f’rasna l-kliem li qalulna mill-Aġenzija Appoġġ. Mhux biżżejjed li nkunu qegħdin mat-tfal jew ħdejhom; jekk jien għaddejja bil-faċendi u Daniel qiegħed fuq il-kompjuter jew quddiem it-televixin, xorta waħda m’hemm l-ebda ġid. Inkunu t-tnejn li aħna magħluqin fid-dinja tagħna! Konna qed nitilfu ħafna mill-komunikazzjoni tagħna mat-tifel u kull meta Daniel kien qed isaqsina xi ħaġa, tant konna nkunu aljenati li konna ngħidulu xi ħaġa ta’ malajr biex ma jkomplix itellfina. Bil-mod il-mod, kemm jien u kemm James bdejna inqattgħu aktar ħin miegħu u nkellmuh. Darba fost l-oħrajn, Daniel ammetta li kien qed iħossu waħdu u li konna qed nagħtu kasu biss meta jgħajjat jew jagħmel xi ħaġa ħażina.
 
Jien u James bdejna nirrealizzaw ukoll li Daniel qed jikber u bħall kull persuna oħra jkollu l-problemi tiegħu, ankè jekk għalina jidhru żgħar ħafna. B’hekk bdejna kuljum inqattgħu ftit ħin kull wieħed mat-tifel, insaqsuh kif mar l-iskola, kif qatta’ l-ġurnata, u nħalluh liberu li jitkellem magħna. Skoprejna li Daniel għandu ħafna kurżitajiet . Tgħidx kemm beda jesprimi ruħu hekk kif ra li qed nuru interess f’dak li jkun għadda minnu matul il-ġurnata. Żdiedet ukoll il-fiduċja tiegħu fina, u sar jiftaħ aktar qalbu magħna.
 
Ħaġa oħra li tgħallima kienet il-mod kif kellna nikkoreġu lil Daniel. Li tfaħħar u tikkoreġi lil uliedek b’mod pożittiv huwa importanti ħafna. Huwa faċli immens inmaqdru jew ngħajtu magħhom minħabba li jkunu għamlu xi ħaġa ħażina. Dak li nkunu għednielhom f’mument ta’ rabja jibqa’ ttimbrat f’moħħhom. It-tfal lill-ġenituri jarawhom bħala l-figura ewlenija f’ħajjithom, kumment ikrah jista’ jaffettwahom b’mod negattiv ħafna tul ħajjithom kollha.
 
Issa għaddew ftit tax-xhur u Daniel reġa’ lura għal dak it-tfajjel ferħan u bil-għaqal kif kien qabel. Din it-tip ta’ trobbija pożittiva li ssuġġerewlna l-Aġenzija Appoġġ ħalliet ħafna frott. Bi ftit aktar attenzjoni u prudenza, irnexxielna nibdlu t-tip ta’ trobbija li konna qed nużaw, kemm għall-ġid ta’ Daniel u għall-familja kollha. Li tkun ġenitur huwa xogħol li jirrikjedi ħafna dedikazzjoni, iżda possibli għal kullħadd. L-isfida hi li tkun ġenitur ta’ kwalità f’kull aspett, fl-aħjar interess tat-tfal.
 
Min jixtieq jikseb aktar informazzjoni dwar trobbija pożittiva, jista’ jċempel fuq Supportline 179.