Il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali fakkret il-25
sena mit-twaqqif tal-Aġenzija Appoġġ u Aġenzija Sedqa permezz ta’ attività li
matulha tnedew għall-ewwel darba wkoll l-għoti tal-premijiet għall-ħaddiema.
Il-Ministru għall-Familja,
Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon sostna illi dan il-gvern
qed jagħti prijorità assoluta lill-Ħarsien Soċjali partikolarment fejn hemm
l-involviment ta’ persuni vulnerabbli li qed jgħixu f’sitwazzjonijiet diffiċli.
Fil-fatt, tenna l-Ministru Falzon, din l-importanza qed tingħata wkoll
fil-finanzjament tant li l-FSWS kellha żieda ta’ €3 miljuni fis-sena. Dr Falzon
wera s-sodisfazzjon tal-ħidma mwettqa tul dawn l-aħħar snin u faħħar l-impenn u
d-determinazzjoni tal-professjonijisti u l-impjegati kollha tal-FSWS.
Il-Ministru Falzon tkellem ukoll
dwar il-qasam tal-vizzji fejn appella lill-familji u ndividwi biex jersqu ‘l
quddiem jekk xi ħadd mill-għeżież tagħhom ikun qed ibati minn xi vizzju jew
ieħor. L-Aġenzija Sedqa toffri diversi servizzi ta’ rijabilitazzjoni mid-droga,
xorg u logħob tal-azzard fost oħrajn. Toffri wkoll servizz ta’ prevenzjoni.
Dr Falzon temm id-diskors tieghu
billi qal li l-gvern irid ikompli jwettaq politika li tolqot direttament lil
dak l-individwu li veru għandu bżonn l-għajnuna.
Matul is-serata tkellem ukoll
il-Kap Eżekuttiv Alfred Grixti li filwaqt li sellem il-pijunieri tal-bidu
taż-żewġ Aġenziji, semma l-importanza li tkompli tissaħħaħ aktar il-ħidma fiż-żmien
li ġej. Qal li b’budget ta’ €23 miljun illum il-Fondazzjoni timpjega mat-830
professjonisti. Filwaqt li tkellem dwar l-isfidi ġodda li t-teknoloġija llum
qed toffri, s-Sur Grixti qal li l-jeħtieġ li l-Fondazzjoni tkompli taħtaf
l-opportunitajiet kbar li qed joffru dawn biex b’hekk titjieb il-ħidma
tal-professjonisti tal-Fondazzjoni u b’hekk nibqgħu aktar relevanti. Il-Kap
Eżekuttiv qal li għaldaqstant il-pass li jmiss se jkun “hardware” ġdid
għall-professjonisti tal-Fondazzjoni li jippermettilhom jaħdmu minn kullimkien.
B’dan il-mod, tenna s-Sur Grixti, l-professjonisti jistgħu jkunu qrib kemm
jista’ jkun il-klijenti, fil-komunità fejn jgħixu.
Min-naħa
tiegħu, iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Joe Gerada qal li l-prinċipju li
l-aġenziji soċjali huma għas-servizz ta’ kulħadd mingħajr ma wieħed iħares lejn
l-uċuh, irid jibqa’ jiggwidana għas-snin li ġejjin daqs kemm iggwidana
fil-passat. Huwa qal li neżistu biex inġibu l-inklużjoni ta’ kulħadd fil-ħajja
tal-pajjiż, int min int, bla ma nħarsu lejn età, kulur, razza, mezzi, abilità u
orjentazzjoni. Sostna li jimpurtana biss li naqdukf’dak li jagħmel
il-ħajja tiegħek aħjar u dinjituża. Huwa sellem lill-ħaddiema li ma setgħux
ikunu preżneti għas-serata peress li jaħdmu bix-shifts u allura l-ewwel
responsabbilità tagħhom kienet lejn il-persuni fil-kura tagħhom.
Mistieden speċjali ieħor kien il-Kelliem tal-Opożizzjoni
għall-Qasam Soċjali Claudio Grech. Is-Sur Grech sellem lill-ħaddiema kollha u
rrimarka kemm il-ħidma tal-professjonisti fil-qasam soċjali hija mportanti għax
bosta drabi l-politiku jkollu bżonn jirreferi lin-nies għall-għajnuna tagħhom.
Huwa temm billi apprezza l-istedina u appella biex f’dan il-qasam tibqa’ ssir
ħidma li tiġbed il-qbil miż-żewġ partiti ewlenin.
Fis-serata ħa sehem ukoll Jean Ayoub, is-Segretarju Ġenerali
tal-International Social Service (ISS) li faħħar il-ħidma tal-FSWS kemm fuq
livell lokali u anki fil-qasam internazzjonali.
Intant, waqt is-serata ingħata
rikonoxximent lill-persuni li ġew nominati minn sħabhom għall-ħidma li jwettqu
matul is-sena, kif ukoll premju ieħor għall-inizjattivi li ttieħdu minn diversi
dipartimenti fi ħdan il-Fondazzjoni. Ġew ukoll rikonoxxuti tliet persuni li
ilhom impjegati sa mill-bidu nett, jiġifieri 25 sena u oħrajn li ilkhom aktar
minn 15-il sena.