MISSJONI
Il-Fondazzjoni għal Servizzi ta' Ħarsien Soċjali (FSWS), permezz ta' servizzi ta' għajnuna ta' kwalità u mogħtija fil-ħin, twassal biex il-persuni li jfittxu l-għajnuna tagħha jieħdu rajhom f' idejhom sabiex isiru persuni responsabbli, produttivi w integrati fis-soċjetà u li jagħtu valur lill-ħajja bħala riżorsa li twassalhom sabiex jilħqu l-potenzjal tagħhom.
VIŻJONI
Il-Fondazzjoni għal Servizzi ta' Ħarsien Soċjali (FSWS), hija katalist għall-bidla u l-iżvilupp għas-settur tal-ħarsien soċjali f'Malta li huwa konsistenti mal-ħtiġijiet dejjem jinbidlu tat-tfal, familji u komunitajiet biex tingħeleb l-esklużjoni soċjali.
Tagħrif dwar il-FSWS
Il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS), twaqqfet permezz ta' Att Notarili Pubbliku awtorizzat mill-Prim Ministru Dr Alfred Sant, fis-27 ta' Frar, 1998.
Il-Fondazzjoni hija magħmulha minn Bord tad-Diretturi li jinkludu President u mill-anqas erba' membri li jkunu responsabbli għall-politika ġenerali u l-attivitajiet tal-Fondazzjoni.
Permezz tas-servizzi li tagħti l-Fondazzjoni għandha r-responsabbilità, skont l-istatut tagħha li:
- Tipprovdi servizzi ta' ħarsien soċjali, b'mod partikolari fil-qasam tal-abbuż mis-sustanzi u l-alkoħol u problemi soċjali oħrajn prevalenti fil-pajjiż, speċjalment dawk marbuta mal-benesseri tal-familji;
- Tippromwovi l-istudji u riċerka soċjali permezz ta' publikazzjonijiet u edukazzjoni;
- Tikkolabora ma' entitajiet simili, speċjalment, imma mhux esklussivament, fuq bażi reġjonali u internazzjonali.
Ix-xogħol ta' kuljum tal-Fondazzjoni jitmexxa mill-Kap Eżekuttiv u t-tim maniġerjali permezz tal-1000 impjegat li 78% minnhom huma professjonisti li jagħmlu xogħol dirett mal-klijenti.
Dawn il-professjonisti jaħdmu fi tliet aġenziji u tliet direttorati li huma:
- L-Aġenzija APPOĠĠ
- L-Aġenzija SEDQA
- L-Aġenzija għas-Servizzi Terapewtiċi u fil-Komunità (ACTS)
- Id-Direttorat għal Għawdex
- Id-Direttorat għall-Protezzjoni tal-Minuri
- Id-Direttorat għall-Kura Alternattiva.
Aktar tagħrif dwar dawn l-Aġenziji u Direttorati jinsab fil-paġni relattivi tagħhom.