Mons Joe Vella Gauci studja l-Filosofija u t-Teoloġija fis-Seminarju ta' Għawdex, fil-Kulleġġ Terzjarju ta' Fareham u fl-Open University fl-Ingilterra. Ġie ordnat saċerdot fl-1988 u kompla l-istudji tiegħu fl-Iskola tal-Istudji Orjentali u Afrikani fl-Università ta' Londra fejn kiseb BA (Hons) fl-Istudji Politiċi u Reliġjużi u Masters fl-Istudji Orjentali u Afrikani. Vella Gauci kiseb Ph.D fi studji Iżlamiċi fl-Università ta' Birmingham bit-teżi Christian-Muslim relations as a Topos in Maltese Historiography, Literature and Culture.
Huwa vvjaġġa b'mod estensiv fid-dinja Għarbija u kkontribwixxa f'diversi artikli, fosthom bil-pubblikazzjoni tiegħu: Il-Liġi Iżlamika u Żwiġijiet Imħallta f'Malta, fl-1991. Fl-2006 kien maħtur membru fil-kumitat preparatorju għall-Forum Għarbi-Ewropew għall-Iżvilupp u Djalogu.
Meta serva bħala Arċipriet tal-Parroċċa tal-Katidral ta' Għawdex (1996-2007), fejn twieled u trabba, huwa ppromwova l-ġid sħiħ tal-persuni u ħadem ma' persuni nieqsa mill-fidi, divorzjati u persuni f'tieni relazzjoni, omosesswali, u vittmi ta' abbuż ta' sustanzi.
Vella Gauci għallem fil-Fakultà tal-Arti (Dipartiment tal-Istudji Orjentali) fl-Università ta' Malta u kien anki tutur fil-Kulleġġ Iżlamiku għall-Istudji Avvanzati fl-Università ta' Middlesex.
Fl-2010 kien maħtur konsulent għar-Relazzjonijiet Internazzjonali u l-Libertà Reliġjuża fis-Segretarjat tal-Kummissjoni tal-Konferenza Episkopali tal-Unjoni Ewropea fi Brussell. Kien responsabbli mill-analiżi, monitoraġġ u kontribuzzjoni tal-COMECE fil-politika tal-istituzzjonijiet Ewropej. Fi Brussell kien anki fdat bl-organizzazzjoni ta' diversi konferenzi ewlenin, li mbagħad ġabar fil-pubblikazzjoni tiegħu: Perspettivi Internazzjonali fuq il-Libertà Reliġjuża – L-Eżitu ta' Konferenzi dwar il-Libertà Reliġjuża (Brussell, 2013).
Fl-2013, Vella Gauci ġie maħtur Ambaxxatur u Delegat Permanenti ta' Malta għall-UNESCO u rappreżentant tal-Gvern Malti fl-ICCROM f'Ruma.
Joe Vella Gauci huwa wieħed mill-fundaturi u jmexxi l-Bord tad-Diretturi tal-Fondazzjoni Kenn u Tama, li fl-2014 fetħet Dar Emmaus, l-ewwel servizz residenzjali ta' emerġenza f'Għawdex. Fis-settur tal-volontarjat, huwa jservi wkoll ta' chairman tal-Emergency Response and Rescue Corps f'Għawdex.
Fl-2015 ġie maħtru bħala Regional Development Agent għal Għawdex fil-proġett ESF 3.234 Leap u llum iservi bħala Direttur tal-Fergħa ta' Għawdex tal-FSWS. Eventwalment, fl-2019 kien maħtur mis-Segretarjat Parlamentari għall-Persuni b'Diżabilità u Anzjanità Attiva biex imexxi l-Proġett Solitudni, studju tal-prevenzjoni tas-solitudni fost l-anzjani f'Malta.
Vella Gauci ngħata Ġieħ il-Belt Victoria mill-Kunsill Lokali ta' belt twelidu fl-2015 u Ġieħ Għawdex fl-2021, u ġie maħtur membru tal-Ordni Nazzjonali tal-Mertu fl-2020.
Preżentament, huwa jmexxi l-Kumitat Festi Reġjonali u Nazzjonali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Kumitat Tekniku għall-Wirt Dinji fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, u huwa responsabbli minn skema ta' taħriġ u koperattiva soċjali għall-vulnerabbli li joffru opportunitajiet ta' impjiegi lil persuni vulnerabbli f'Għawdex.
Huwa jifforma wkoll parti mill-Kulleġġ tal-Konsulturi u l-Kulleġġ Presbiterali tad-Djoċesi ta' Għawdex u mid-Dwejra Steering Committee fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima.