Talbiet għal Riċerka

​Studenti jew individwi li jixtiequ jagħmlu riċerka fi ħdan il-Fondazzjoni għal Servizzi ta' Ħarsien Soċjali (FSWS), jiġifieri jiġbru data mingħand xi membri tal-istaff tal-FSWS u/jew inkella mingħand utenti tas-servizz, għandhom l-ewwel jikkuntattjaw lill-Uffiċċju tar-Riċerka fi ħdan l-FSWS, peress li, l-ewwel, wieħed ikollu bżonn jikseb l-approvazzjoni qabel ma jkun jista' jibda r-riċerka.

It-talbiet ta' riċerka jiġu evalwati biex jiġi assigurat li l-istandards etiċi huma segwiti, biex jiġi aċċertat li l-istudju mhux ser ikollu impatt negattiv kemm fuq l-utenti kif ukoll fuq l-għoti tas-servizz, u sabiex jiġi vverifikat jekk parteċipanti potenzjali humiex disponibbli. Anke jekk it-talba tar-riċerka tiġi approvata, ma jfissirx li ser jinstabu parteċipanti disponibbli. Il-parteċipanti potenzjali għandhom id-dritt li jirrifjutaw li jipparteċipaw fl-istudju.

Peress li hemm numru limitat ta' studji li jistgħu jsiru f'daqqa, l-FSWS tagħti prijorità lil dawk l-istudji li jittrattaw temi li huma meqjusa importanti mill-aġenziji fi ħdan l-FSWS. Għalhekk, huwa rakkomandat li, qabel ma jagħżlu l-qasam tal-istudju u qabel ma jissottomettu talba, l-applikanti jiċċekkjaw dwar dawn is-suġġetti mal-Uffiċċju tar-Riċerka tal-FSWS.

Kull min jixtieq jagħmel riċerka fi ħdan l-FSWS għandu jimla formola tat-talba ta' riċerka online.

  • appendix A​  jekk it-talba għandha x'taqsam ma' teżi;
  • appendix B  jekk it-talba għandha x'taqsam ma' xi assenjament jew ma' xi coursework ta' module/credit ieħor;
  • appendix C jekk it-talba qed issir minn xi ħadd li mhuwiex student (IMPORTANTI: Aktar termini u kundizzjonijiet japplikaw – ara hawn taħt)

L-applikanti għandhom jehmżu wkoll il-linji gwida tal-interview u/jew kwestjonarji, formoli ta' kunsens u xi dokumenti oħrajn li jipprovdu informazzjoni dwar ir-riċerka, u jissottomettu l-applikazzjoni billi jibagħtu e-mail fuq dan l-indirizz elettroniku: research.fsws-headoffice@gov.mt.

Qabel ma jissottomettu talba għar-riċerka, l-applikanti għandhom ikunu konxji tal-iskedi ta' żmien ta' hawn taħt:

  • L-FSWS tagħmel ħilitha biex tinforma lill-applikanti bl-eżitu maħruġ mill-proċess ta' rieżami fi żmien erba' ġimgħat minn meta tkun irċeviet id-dokumenti kollha. Madankollu, jista' jkun hemm fatturi li jtawlu l-proċess.
  • Jekk it-talba għar-riċerka tiġi approvata, u l-FSWS teħtieġ li tidentifika u/jew tikkuntattja lill-parteċipanti potenzjali tar-riċerka, jekk jogħġbok kun af li dan jista' jieħu ftit taż-żmien. Jekk jogħġbok ikkuntattja lis-servizz meħtieġ fil-ħin biex tippermetti perjodu adegwat li fih parteċipanti potenzjali huma identifikati u kkuntattjati.

Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ikkuntattja lis-Sur Ronald Balzan fuq +356 22588938.

Termini u Kundizzjonijiet oħra li japplikaw għal riċerka magħmula minn riċerkaturi li mhumiex studenti.

 

Nota

L-ewwel pass fil-proċess biex tiġi kkunsidrata t-talba għal riċerka fi ħdan l-FSWS għandu jkun li r-riċerkatur jibgħat e-mail b'informazzjoni dwar l-għanijiet tal-istudju, u dwar x'involviment huwa mistenni min-naħa tal-FSWS. (Mhux iżjed min 3 – 4 paragrafi). F'dan l-istadju m'hemmx bżonn tintbagħat il-formola (Appendiċi Ċ) għat-talba ta' riċerka minn riċerkaturi li mhumiex studenti.

Jekk/meta jkunu mitluba, id-dokumenti meħtieġa jistgħu jintbagħtu, u tibda tapplika l-informazzjoni ta' hawn taħt.  (Nota: Għalkemm l-FSWS tista' titlob u tirċievi d-dokumenti meħtieġa, l-FSWS xorta waħda tista' tirrifjuta l-applikazzjoni).

Miżata ta' €100 għall-ipproċessar tal-applikazzjoni hija applikabbli għal riċerkaturi li mhumiex studenti. Dawn il-flus jingħataw lill-Aġenzija Appoġġ: Children's Fund. (https://fswsnewcms.gov.mt/en/acd/Pages/Children-Fund.aspx)

Jekk ikun hemm bżonn li l-FSWS tħallas xi sahra lill-impjegati tagħha sabiex it-talba tar-riċerka tkun tista' tiġi milqugħa, dan il-ħlas jiżdied mal-miżata għall-ipproċessar. Jekk it-talba tiġi approvata, l-applikant jiġi infurmat minn qabel dwar l-ammont ta' flus li jkun irid iħallas. L-applikant jiġi infurmat minn qabel ħalli jkun jista' jiddeċiedi jekk ikomplix bir-riċerka tiegħu jew le.

Il-miżata għall-ipproċessar għandha titħallas permezz ta' trasferiment bankarju, skont id-dettalji mniżżla hawn taħt:

  • ​Numru IBAN tal-kont BOV: MT05VALL22013000000040025010983

Tingħata rċevuta wara li jsir il-pagament.

Il-ħlas ikun meħtieġ biss jekk l-FSWS tapprova t-talba li tkun saret. L-applikanti jiġu infurmati bil-miktub rigward ir-riżultat tat-talba tagħhom u, jekk din it-talba tiġi approvata, tingħata l-informazzjoni meħtieġa għall-pass li jkun imiss fil-proċess.

​Għalkemm l-FSWS tapprova l-applikazzjoni, l-FSWS ma tistax tiggarantixxi li ser jinstabu l-parteċipanti potenzjali, u li dawn ser ikunu jridu jipparteċipaw fir-riċerka.

Jekk il-kontribuzzjoni għar-riċerka min-naħa tal-FSWS ma tkunx possibbli minħabba diffikultajiet fir-reklutaġġ ta' parteċipanti fir-riċerka, il-miżata li tkun tħallset tingħata lura lill-applikant.​