Iċ-Children's Fund hija inizjattiva volontarja li bdiet fis-sena 2003. Xogħolha hu li tiġbor fondi sabiex jgħinu lit-tfal li jkunu qegħdin jużaw is-servizzi tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta' Ħarsien Soċjali. Dawn il-fondi jsostnu ruħhom minn attivitajiet u donazzjonijiet li bis-saħħa tagħhom ġew megħjuna eluf ta' tfal.
Apparti sforzi li jsiru biex jgħinu lit-tfal u lill-familji tagħhom biex jegħlbu diversi ostakli li jaffaċċjaw fil-ħajja soċjali, il-ħaddiema soċjali jistgħu jiddeterminaw ukoll li dawn l-istess tfal u l-familji tagħhom għandhom bżonn ta' għajnuna finanzjarja biex jissodisfaw il-bżonnijiet bażiċi tagħhom. F'dawn il-każijiet, il-ħaddiema soċjali jagħmlu talba għal għajnuna mingħand iċ-Children's Fund. Iċ-Children's Fund tassisti u tipprovdi opportunitajiet lil dawn it-tfal sabiex huma wkoll ikollhom iċ-ċans u possibilitajiet bħal tfal oħra.
Il-Fond jagħmel minn kollox sabiex jipprovdi lit-tfal il-bżonnijiet bażiċi tagħhom. Din l-għajnuna li wieħed jista' japplika għaliha, tvarja skont l-eżiġenza tat-tfal li jkunu identifikati mill-ħaddiema soċjali stess.