Is-Servizz tal-Adozzjoni jgħin individwi jew familji li qed jaħsbu dwar l-adozzjoni; li qegħdin fil-proċess tal-adozzjoni; kif ukoll lil dawk li adottaw xi tifel/tifla/tfal. Is-servizz jipprovdi taħriġ lill-persuni li qed jikkunsidraw jadottaw. Dan it-taħriġ jinvolvi numru ta' laqgħat fejn tiġi diskussa informazzjoni dwar it-tfal, il-ġenituri bijoloġiċi, l-adozzjoni internazzjonali, u kif ukoll it-trawma.
Meta l-ġenituri adottivi prospettivi jiddeċiedu sabiex ikomplu bil-proċess, huma jiġu allokati ħaddiema soċjali sabiex taħdem/jaħdem mal-familja tul il-proċess tal-assessjar. Dan ir-rapport jintbagħat lill-Bord tal-Adozzjonijiet sabiex il-familja tiġi approvata bħala familja adottiva.
Is-servizz jemmen fid-dritt fundamentali li t-tfal kollha għandhom, dak li jgħixu f'ambjent ta' familja. Għalhekk dan is-servizz flimkien ma' servizzi oħra, jappoġġja u jaħdem ma' ġenituri bijoloġiċi li qed jikkunsidraw pjan t'adozzjoni għat-tfal tagħhom, u jaħdem u jappoġġja wkoll lill-ġenituri adottivi.
Il-ħaddiema soċjali ġewwa s-servizz tal-adozzjoni joffru firxa wiesgħa t'appoġġ lill-familji u t-tfal. Dan jinkludi: skambju ta' informazzjoni; servizzi terapewtiċi għat-tfal adottivi u għat-tfal bijoloġiċi; u għajnuna lill-ġenituri tul it-trobbija tat-tfal. Għal kull adozzjoni li ssir minn pajjiż barra minn Malta, il-ġenituri adottivi jibbenefikaw minn għotja ta' mhux aktar minn €10,000. Dan isir wara li jiġu preżentati l-irċevuti oriġinali. Dawk il-genituri adottivi li ser ikunu qed jaddottaw min Malta mill-2021 ser ikunu huma wkoll qed jibbenefikaw minn għotja ta' massimu ta' elf ewro.