Il-professjonisti tal-Looked After Children Service (LAC) jaħdmu ma' minuri li jgħixu f'out of home care placements fi ħdan id-Direttorat tat-Tfal (Kura Alternattiva). L-etajiet ivarjaw bejn trabi ta' twelid u adoloxxenti sa tmintax-il sena. Dawn il-minuri jkollhom bżonn jirċievu kura u attenzjoni li jingħatawlhom mill-fostering placements u mid-djar residenzjali fejn ikunu jirrisjedu.
L-għan ta' dan is-servizz hu li jiġu fformulati care plans b'mod regolari, li jpoġġu fiċ-ċentru l-bżonnijiet ta' dawn it-tfal u ż-żgħażagħ. Il-pjanijiet ikunu diskussi u kkonfermati mir-Review Board. Il-professjonisti tal-LAC jaħdmu b'mod kontinwu biex il-minuri jkollhom stabbiltà fil-post alternattiv tagħhom u jinżamm kuntatt regolari kemm mal-minuri, mal-ġenituri, kif ukoll mal-professjonisti l-oħrajn li jkunu involuti fil-każ. Meta jkun fl-aħjar interess għall-minuri, il-professjonisti jaħdmu biex dawn jirritornaw lura mal-familja naturali tagħhom. F'sitwazzjonijiet fejn dan ma jkunx possibbli, is-servizz jappoġġja lil dawn il-minuri biex ikollhom pjan ta' permanenza f'post li joffri stabbiltà u sigurtà biex dawn jibqgħu jikbru f'ambjent pożittiv.