L-għan tas-servizz huwa li tfal u żgħażagħ li jgħixu fi djar fil-komunità jkollhom l-opportunità li jtejbu u jiksbu ħiliet għal ħajja aktar indipendenti. Is-servizz jipprovdi ambjent sigur għal dawn it-tfal u żgħażagħ li bħalissa m'għandhomx il-possibbiltà li jgħixu f'ambjent alternattiv, biex jgħinhom jiksbu l-indipendenza tagħhom biex jgħixu fis-soċjetà b'suċċess.
Dawn id-djar ibbażati fil-komunità jakkomodaw tfal u żgħażagħ li jkunu għaddew minn sitwazzjonijiet diffiċli fil-ħajja taghħom u li minħabba f'hekk ikollhom bżonn sapport emozzjonali u terapewtiku li jgħinhom jipproċessaw l-esperjenza tagħhom. Jekk ikun hemm xi aħwa, dawn jinżammu flimkien bħala grupp fejn ikun fl-aħjar interess tagħhom u fejn ikun possibbli. F'dawn ir-residenzi jistgħu jidħlu persuni fuq bażi volontarja kif ukoll b'ordni tal-Qorti.
L-għan tar-residenzi hu li jattendu għall-ħtiġijiet varji li jkollhom bżonn ir-residenti, kif ukoll jiżguraw li s-saħħa u s-sigurtà tagħhom, inkluż dik tal-ħaddiema, tkun imħarsa bir-reqqa.
Matul il-programm, it-tfal u ż-żgħażagħ jiġu mħeġġa sabiex jimpenjaw ruħhom fis-sistema edukattiva, kulħadd b'programm li jagħmel l-iktar sens għalih. Iż-żgħażagħ jiġu mħeġġa wkoll biex jimpenjaw ruħhom fil-qasam tax-xogħol fejn hu possibbli. Dan jiżgura li jaqilgħu l-għajxien u eventwalment se jħejjihom għal ħajja aktar indipendenti.