Iż-żjarat taħt superviżjoni jinvolvu kuntatt sorveljat bejn it-tfal u l-ġenituri mhux kustodjali jew membri oħra tal-familja meta l-aċċess ma jkunx possibbli mod ieħor. Primarjament is-servizz jingħata lil tfal li huma taħt Ordni ta' Kura, meta jkun fl-aħjar interess tat-tifel/tifla li jżuru l-ġenituri tagħhom fil-preżenza ta' superviżur.
Is-servizz huwa ffukat fuq it-tfal u offrut f'ambjent sigur waqt li jiffaċilita l-komunikazzjoni u r-relazzjoni fost il-membri kollha. Din l-interazzjoni tiġi ddokumentata sabiex tipprovdi rispons li ħafna drabi huwa kondiviż f'tim multidixxiplinarju. Dan itejjeb pjan ta' kura ħolistika għall-benefiċċju tat-tfal.
Is-servizz huwa pprovdut ukoll f'sitwazzjonijiet meta l-Qorti tal-Familja tiddeċiedi li huwa neċessarju għall-benesseri tat-tfal li ġenitur wieħed jew it-tnejn jaraw it-tfal tagħhom fil-preżenza ta' superviżur. Dan is-servizz joffri wkoll moniteraġġ, fejn familji li jistgħu jkollhom bżonn sapport fil-kuntatt, ikollhom lil professjonisti li jmorru jaraw il-kuntatt kif ikun sejjer. Dan is-servizz jiġi offrut f'każijiet tal-Qorti kif ukoll meta tfal ikunu taħt kura alternattiva.