Is-Servizz tal-ħidma soċjali għat-tfal u ż-żgħażagħ fi ħdan l-Isptar tal-Onkoloġija, Sir Anthony Mamo, jopera bl-għan li jassisti pazjenti li għandhom inqas minn 16-il sena, li jkunu għaddejjin mill-marda tal-kanċer, kif ukoll lill-membri tal-familja tagħhom. Is-servizz tal-ħidma soċjali jibda mid-dijanjosi, ikompli tul il-proċess tal-kura, u jintemm meta t-tfal ifiqu mill-marda jew wara li tingħata l-kura paljattiva, fit-tmiem il-ħajja u l-mewt tagħhom.
Is-servizz jipprovdi appoġġ emozzjonali u prattiku, li jieħu l-forma ta' laqgħat fl-iswali tal-isptar, f'waħda mill-kmamar tas-servizz tal-ħidma soċjali, fid-djar tal-pazjenti u fl-iskejjel fejn jattendu.
Is-servizz tal-ħidma soċjali jaħdem id f'id ma' professjonisti oħra, inklużi konsulenti, tobba, infermiera, terapisti okkupazzjonali, għalliema u fiżjoterapisti sabiex ilkoll flimkien jipprovdu attenzjoni ħolistika lill-pazjenti u lill-familji tagħhom.