BeSmartOnline huwa proġett immexxi mill-Fondazzjoni għal Servizzi ta' Ħarsien Soċjali (FSWS) b'kollaborazzjoni mal-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal, id-Direttorat għal Programmi ta' Tagħlim u Assessjar (DLAP) u l-fergħa tas-Cyber Crime Unit fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, fost l-oħrajn. Dan il-konsorzju huwa mgħejjun minn diversi msieħba strateġiċi li lkoll jagħtu s-sehem tagħhom fil-proġett permezz tal-Bord Konsultattiv. Finanzjat mill-Unjoni Ewropea permezz ta' HADEA, BeSamrtOnline jagħmel parti minn INSAFE u INHOPE, in-network Ewropew għaċ-ċentri għall-użu t'internet b'mod sagħan u hotlines, rispettivament.
L-għan ewlieni ta' BeSmartOnline huwa li jgħallem tfal, adoloxxenti, ġenituri u għalliema dwar l-użu b'mod sagħan tal-internet, filwaqt li jagħtihom is-setgħa u jipprotegihom mir-riskji differenti li jeżistu online, fosthom cyberbullying, grooming u qsim mhux konsenswali ta' stampi/ ritratti intimi, f'kelma waħda dak li jissejjaħ sexting. Il-proġett iħeġġeġ għal użu bilanċjat tat-tekoloġija bl-għan li jevita użu eċċessiv. Billi jħeġġeġ ir-responsabbilità u l-użu tal-internet b'mod sagħan, BeSmartOnline huwa mpenjat sabiex iżomm l-internet post sagħan għal kulħadd.
Il-Fondazzjoni għas Servizzi ta' Ħarsien Soċjali tħaddem iċ-ċentru Malti għal Użu għaqli tat-Technologija fost il-minuri. Dan iċ-ċentru huwa mmirat għat-tfal bl-għan li jgħinhom jifhmu kif jistgħu jagħmlu użu b'mod għaqli tat-teknoloġija filwaqt li jigwidahom dwar kif għandhom jipproteġu lilhom innfushom mir-riskji li jeżistu online.
L-istess fondazzjoni ħolqot ukoll sistema online fejn wieħed jista' jagħmel rapport speċifikament dwar materjal illegali li juri abbuż sesswali fuq il-minuri u li jkun qed idur fuq l-internet. Dan jista' jsir permezz ta' www.childwebalert.gov.mt. F'din il-pjattaforma l-individwu jista' jibqa' anonimu u kull rapport huwa meqjus b'mod kunfidenzjali.
Servizz ieħor li toffri l-imsemmija fondazzjoni huwa dak li tħaddem il-BeSmartOnline helpline. Hawnhekk wieħed jista' jċempel fuq l-linja 179 biex jingħata sapport u għajnuna f'ċirkostanzi fejn safa vittma online fosthom ta' sexting, cyberbullying u grooming. Permezz ta' dan is-servizz wieħed jista' wkoll jingħata aktar informazzjoni dwar l-użu eċċessiv tat-teknoloġija.
Għal aktar informazzjoni, tista' tagħti ħarsa lejn il-paġna ta' Facebook ta' BeSmartOnline @Saferinternet.mt jew www.besmartonline.org.mt