Persuni Bla Saqaf Fuq Rashom

Fi ħdan is-servizz tal-Intake and Family Support, ħaddiema soċjali jaħdmu ta' kuljum ma' individwi li jinsabu jew ser jispiċċaw bla saqaf fuq rashom. Il-ħaddiema soċjali jagħmlu assessjar u evalwazzjoni tas-sitwazzjoni preżentata sabiex jistabbilixxu r-raġunijiet għalfejn l-individwu spiċċa bla saqaf fuq rasu. Wara l-assessjar, jekk l-individwu jkollu bżonn akkomodazzjoni ġewwa xelter, il-ħaddiema soċjali tagħmel kuntatt max-xelters varji skont il-kriterju tal-eliġibbiltà tagħhom. Individwu jew familja jistgħu jiġu riferuti kemm għal xelter ta' emerġenza jew xelter iktar fit-tul, skont il-bżonn tas-sitwazzjoni.

Eventwalment jinħoloq pjan ta' kura flimkien mal-individwu u l-professjonisti varji sabiex tibda ħidma kollaborattiva fejn l-għan aħħari huwa dak li l-individwu jkollu l-kapaċitajiet u l-abbiltajiet li mill-ġdid jgħix b'mod indipendenti. F'dan il-pjan ta' kura tiġi inkluża ħidma relatata ma' impjieg, ħidma dwar problemi ta' saħħa mentali, abbiltajiet relatati ma' tqassim ta' flus, kif ukoll kuntatti ma' entitajiet oħra bħall-Awtorità tad-Djar u d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali fost l-oħrajn.

Għajnuna mill-ħaddiema soċjali tibqa' tiġi offruta kemm waqt iż-żmien ta' residenza ġewwa x-xelter kif ukoll, jekk mitlub, ladarba l-individwu jerġa' jibda jirrisjedi b'mod indipendenti fil-komunità.

Għal aktar informazzjoni ċempel fuq 22959000 jew ibgħat imejl fuq appogg@gov.mt​