L-Aġenzija Appoġġ hija aġenzija li toffri diversi servizzi tal-benesseri psikosoċjali ta' kwalità lil individwi u familji li ġejjin minn kull sfera tas-soċjetà u li jħaddnu d-diversitajiet kollha, billi ssaħħaħ il-pożizzjoni ta' dawn il-persuni, filwaqt li tiddefendi u tissalvagwardja l-benesseri tagħhom.
L-Aġenzija, b'kollaborazzjoni mal-partijiet ikkonċernati kollha, tipprovdi servizzi ta' benesseri tal-ogħla standard possibbli għal dawk li jużaw is-servizzi tagħha, b'tali mod li jkunu appoġġati u mogħtija s-setgħa biex jindirizzaw il-ħtiġijiet tagħhom u jtejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom.
L-Aġenzija hija mmexxija minn Direttur tal-Operazzjonijiet, erba' Maniġers u grupp tal-hekk imsejħa Service Area Leaders. L-Aġenzija Appoġġ tinkorpora: Is-Servizzi tal-Ħidma Soċjali fis-Settur tas-Saħħa, li huma preżenti f'diversi ambjenti tas-saħħa fl-Isptar Mater Dei, is-Servizzi għat-Tfal u ż-Żgħażagħ fit-Taqsima ta' Gwida għat-Tfal ('Child Guidance Unit'), l-Isptar Mount Carmel, is-Servizzi tas-Saħħa Primarja fiċ-ċentri tas-saħħa ta' Birkirkara, Bormla, il-Kottonera, l-Imtarfa u Ħal Qormi, ir-Residenza St Vincent De Paule u ċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo. Noffru wkoll is-servizz ta` ħidma soċjali fi ħdan is-servizz ta ta' Anzjanita' Attiva u Kura fil-Kommunita'kif ukoll l-Employee Support Programme, servizz immirat għall-impjegati fis-settur pubbliku.
Minbarra s-servizzi tal-vjolenza domestika li jinkludu xogħol ta' ħidma soċjali fis-servizz innifsu, hemm is-servizz STOP! li jipprovdi għajnuna u appoġġ lill-aggressuri tal-vittmi tal-vjolenza domestika, kif ukoll is-servizz tal-Evalwaturi tar-Riskji, li jivvalutaw ir-riskju tal-każ qabel ma jirreferu lill-persuni kkonċernati għall-għajnuna. Barra minn hekk, aħna noffru servizz ta' xelter ta' emerġenza għal vittmi tal-vjolenza domestika, jiġifieri l-Għabex.
Servizz ieħor li noffru huwa dak imsejjaħ 'Intake and Family Support Service', li jinkludi sottotimijiet li jaħdmu fuq il-Kundizzjoni ta' Persuni Mingħajr Dar, it-Traffikar tal-Bnedmin u l-Programm ta' Appoġġ introdott reċentement rigward is-'Sex Work'. Flimkien ma' dawn, l-Aġenzija tħaddan ukoll is-Supportline 179, il-linja telefonika 1772 li toffri għajnuna u wens lil persuni li jinsabu weħidhom u allura qegħdin ibatu mis-solitudni, is-servizz BeSmartOnline u s-Servizz ta' Emerġenza wara l-ħinijiet tal-uffiċċju u fi tmiem il-ġimgħa. Noffru s-servizz ta' assessjar fil-qasam tal-Awtorita' tad-Djar. Dawn is-servizzi huma kollha appoġġati mit-tim tal-Amministrazzjoni.
Is-servizzi tal-benesseri soċjali offruti mill-Aġenzija Appoġġ għandhom l-għan li jġibu bidla pożittiva u sana fil-ħajja tan-nies – bidla li tagħtihom iċ-ċans itejbu l-potenzjal tagħhom permezz tal-appoġġ, il-kura u l-għarfien li jirċievu mingħand il-professjonisti tal-Aġenzija.