Id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Minuri jopera taħt il-proveddimenti legali tal-Att 602 magħruf bħala l-Att għall-Protezzjoni tal-Minuri (Kura Alternattiva) fil-liġijiet ta' Malta. Dan id-direttorat jinqasam f'erba' servizzi prinċipali:
- Is-Servizz għall-Ħarsien tat-Tfal li huwa s-servizz illi jinvestiga rapporti ta' maltrattament fuq it-tfal. Dan jinkludu rapporti fuq; vjolenza fuq it-tfal; kuntatt sesswali ta' kull tip; traskuraġni, abbuż emozzjonali u psikoloġiku u anke tfal li jaraw vjolenza domestika d-dar u fil-familji tagħhom.
- is-Servizz tal-Qrati illi jaqdi l-ħtiġijiet ta' assessjar għall-Qrati tal-Familja ġewwa Malta u Għawdex. Dan is-servizz jeżamina l-andament ta' familja li qed tissepara, u minn hemm joħrog għadd ta' rakkomandazzjonijiet li jservu lil minuri li huma maqbuda f'dawn il-proċedimenti. Dan is-servizz jagħmel l-almu tiegħu sabiex joffri analiżi rigoruża illi vermaent tħares lejn il-kuntest mill-perspettiva tal-minuri, u dan isir billi jintużaw evalwazzjonijiet tad-dinamiċi tal-familja, tal-aspetti ta' kura; tal-psikoloġija tal-ġenituri u anke tal-preparazzjoni tal-ġenituri illi jikkoperaw ma' xulxin għall-benesseru ta' uliedhom.
- Iċ-Children House li hija intiża sabiex isservi ta' estensjoni tal-Qrati ta' Malta meta jkun hem il-ħtieġa li jagħtu x-xhieda tagħhom il-minuri. Il-funzjoni ta' din id-dar illi sservi ta' spazzju li hu maħsub għat-tfal u li jkun mgħammar, kemm f'sens ta' proċedura u kemm f'sens estetiku, b'tiżjin li jakkomoda lit-tfal. Din id-dar tipprova illi taġġusta l-proċess ġudizzjarju, li huma magħruf għal kemm jintimida lit-tfal, sabiex it-tfal ikunu jistgħu jipparteċipaw b'mod ġust f'dawn il-proċeduri illi tant jeffetwawhom. Dan kollu jsir b'mod illi ma jipperikolax lanqas il-ħtiġijiet u l-bżonnijiet tal-Qorti.
- Is-Servizz għad-dimensjoni internazzjonali ta' Protezzjoni tat-Tfal illi jieħu ħsieb rapporti rigwardanti serq ta' tfal, traffikar tat-tfal, female genital mutilation, tfal li huma sfurzati sabiex jiżżewġu qabel iż-żmien, abbuż onlajn, u anke applikazzjonijiet ta' kura u kustodja għall-minuri li ma jkunux akkumpanjati f'każijiet ta' migrazzjoni.
Minħabba l-obbligu ta' rappurtaġġ illi joħorgu mill-istess Att msemmi hawn, il-professjonisti kollha iridu jirrappurtaw kwalunkwe informazzjoni jew suspett ta' inċidenti fejn minuri qed isofri, jew qiegħed f'riskju li jsofri, weġgħat u tbatija minn abbuż fiżiku, emozzjonali, sesswali, traskuraġni jew abbuż li jinqala' minħabba ħsara li żewġ adulti qed jagħmlu lil xulxin.