Vizzji


L-Addictions Community Team fi ħdan l-Aġenzija Sedqa, joffri servizzi personalizzati għal persuni u qraba tagħhom, li b’xi mod qed jissieltu ma’ problemi ta’ vizzji.  


L-Addictions Community Team jassisti lill-klijenti sabiex isostnu l-motivazzjoni tagħhom b’intenzjoni illi jilħqu l-għan tagħhom fil-proċess ta’ trattament. Għal dan il-għan joffru informazzjoni u pariri skont il-bżonn individwali ta’ kull persuna. 


It-tim huwa responsabbli wkoll minn trattament ta’ riabilitazzjoni fil-komunità. Dan isir permezz ta’ assessjar inizjali tas-sitwazzjoni tal-persuna li qiegħda titlob l-għajnuna. Sussegwentement, isegwu lill-persuna permezz ta’ interventi psiko-soċjali mmirati sabiex jitnaqqas l-impatt negattiv tad-dipendenza, bil-għan li finalment tiġi megħluba. Joffru wkoll interventi f’mumenti ta’ kriżi, pariri li jwasslu għal harm reduction, assistenza fl-interessi personali ta’ kull klijent, kif ukoll interventi soċjali oħrajn skont il-bżonn. Isiru wkoll riferimenti għal servizzi oħrajn fi ħdan l-FSWS, xogħol mill-qrib ma’ servizzi mediċi, psikjatriċi u terapewtiċi kif ukoll preparazzjoni għas-servizzi riabilitattivi residenzjali meta jkun indikat fil-pjan tal-klijent.  


L-Addictions Community Team jassisti wkoll persuni fi sptarijiet kif ukoll fil- faċilità korrettiva’ ġeneralment sabiex issir tranżizzjoni komda għal servizzi ta’ riabilitazzjoni. L-interventi huma wkoll immirati sabiex jassistu klijenti fil-ħajja personali tagħhom wara r-riabilitazzjoni mid-dipendenza, primarjament billi joffru servizz ta’ relapse prevention u aftercare f’forma ta’ laqgħat u suġġerimenti skont il-bżonn. ​