Aġenzija Sedqa toffri l-unika post ġewwa l-gżejjer tagħna fejn issir osservazzjoni medika għall-persuni b'dipendenza ta' sustanzi. Dan is-servizz nazzjonali joffri post sigur fejn wieħed josserva pazjenti waqt li dawn ikunu qegħdin jibdlu jew jistabbilizzaw fuq trattament mediku relatat mal-abbuż ta' sustanzi jew inkella jgħaddu minn proċess ta' ditossifikazzjoni.
Dar L-Impenn huwa l-isem li jintuża għall-binja ta' Sedqa mgħammra b'sitt sodod fejn pazjenti jkunu jistgħu jidħlu sabiex jingħataw servizzi mediċi relatati ma' dipendenzi. Dan is-servizz huwa wieħed fuq bażi low-threshold sabiex kemm jista' jkun klijenti jibbenefikaw minnu. Dan joffrilhom il-possibbiltà li jieħdu trattament mediku taħt osservazzjoni ta' nurse u care worker 24 siegħa kuljum. Il-pjanijiet mediċi għall kull pazjent li jidħol ġewwa Dar L-Impenn jiġu deċiżi mit-tobba tal-Aġenzija Sedqa fi ħdan id-Detox Center (Substance Misuse Outpatients unit). Dan isir b'kollaborazzjoni ma' entitajiet oħra li jkunu qegħdin isegwu lill-pazjent jew li se jkomplu l-pjan ta' trattament wara li l-pazjent jitlaq minn Dar L-Impenn (kemm jekk segwit fil-komunità jew se jimxi għall-programm residenzjali). F'dan il-post isiru wkoll interventi individwalizzati minn professjonisti oħra, fosthom social workers u terapisti, li jkunu jsegwu lill-pazjenti partikolari kif ukoll jiġu organizzati diskussjonijiet fi gruppi għar-residenti kollha.