Komunità Santa Marija

​​Is-sena 2019 kienet waħda fejn is-servizzi residenzjali tal-Aġenzija Sedqa ġew integrati fi programm wieħed bl-isem ta’ Komunità Santa Marija. Ix-xejra tal-użu tas-sustanzi f’dawn l-aħħar snin inbidlet u aktar ma għadda ż-żmien aktar sar diffiċli illi wieħed jifred l-abbuż ta’ sustanzi bħalma huma l-alkoħol u d-drogi. Għal dan il-għan, il-filosofija li tiggwida l-programm residenzjali żiedet li tiffoka dwar id-dipendenza u l-iżvilupp tagħha aktar milli tiffoka kontra sustanza partikolari. F’dan it-tibdil, anke l-Assessment and Stabilisation Unit illi qabel kien servizz għalih issa ġie integrat bħala l-ewwel stadju ta’ servizz aktar fit-tul. B’dan il-mod wieħed ikompli jenfasizza illi l-istadju ta’ stabilizzazzjoni tal-persuna huwa biss il-bidu tal-proċess riabilitattiv, u mhux ir-riabilitazzjoni fih innifsu. 


Komunità Santa Marija toffri struttura terapewtika b’enfasi fuq l-għajxien bħala komunità fuq perjodu ta’ 14-il xhar. Tul dan il-perjodu hemm tliet fażijiet, illi jakkumpanjaw ir-resident mill-fażijiet inizjali ta’ rkupru fiżiku, mentali u emozzjonali sal-integrazzjoni tiegħu lura fis-soċjetà. 

 

Fażi 1 – Fażi ta’ Assessjar u Stabilità: 

 

F’din il-fażi, l-għan huwa illi l-klijenti li jkunu għaddew mill-fażi ta’ ditossifikazzjoni jingħataw spazju sigur fejn jikkonsolidaw l-irkupru fiżiku u dak mentali tagħhom. Fis-sigurtà tar-residenza tagħna l-klijent ikollu ċans jiskopri dawk li huma diffikultajiet personali, relazzjonali u ta’ ambjent illi fih jgħix, li qegħdin iżommuh jirrikorri għall-vizzju. Kull persuna tiġi megħjuna tifhem il-kuntest storiku, bijoloġiku, psikoloġiku u soċjali tad-diffikultajiet tiegħu/tagħha. Meta dan jintlaħaq, isiru l-preparamenti sabiex dak li jkun jgħaddi għall-fażi 2 tal-programm. 

 

Fażi 2 – Fażi Terapewtika 

 

F’dan l-istadju, l-objettiv huwa illi jinħoloq spazju li fih l-individwu jista’ jikber fi grupp ta’ nies iffukati li jikbru kemm personalment u ma’ ta’ madwarhom. Dan isir f’ambjent irregolat minn regoli terapewtiċi li kull resident huwa mistenni li jħaddan. B’dan il-mod, kulħadd jiġi megħjun jifhem kif l-imġiba tiegħu, flimkien maż-żamma jew il-ksur ta’ dawn ir-regoli, jirrappreżentaw l-imġiba tagħhom barra mill-programm. B’dan il-mod wieħed jispera li l-individwu jirrealizza l-benefiċċju ta’ ħajja strutturata ’l bogħod mill-użu tas-sustanzi, kif ukoll it-tkabbir ta’ abilità ta’ riflessjoni dwar l-imġiba personali u kif din timpatta lill-persuna nnifisha kif ukoll dawk ta’ madwarha. 

 

Wara l-ewwel xahrejn f’din il-fażi, ir-resident ikun jista’ jerġa’ jibda joħroġ barra mill-programm għal ftit sigħat sabiex ikun jista’ jifhem fejn wasal fir-riabilitazzjoni tiegħu meta jaffronta b’mod sigur u protett il-ħajja barra Komunità Santa Marija. Wara kull ħarġa r-resident jintalab jirrifletti dwar dak li esperjenza barra mill-programm u jipproċessa l-esperjenza flimkien ma’ wieħed mill-ħaddiema. 

 

Fażi 3 – Fażi ta’ Rintegrazzjoni: 

 

Suċċess fit-tieni fażi tal-programm wieħed jagħti x’jifhem illi resident ikun issa aktar preparat sabiex jaffronta wieħed mill-akbar objettivi tal-programm innifsu; dak illi wieħed ikun jista’ jirritorna fis-soċjetà bħala persuna indipendenti b’responsabbilitajiet akbar bħaż-żamma ta’ impjieg u responsabbilitajiet personali oħrajn. Dawn l-ewwel passi lejn ħajja indipendenti fejn jinstab xogħol u l-klijenti jibdew jaħdmu, isiru bl-għarfien illi l-klijent ikun għadu għaddej mill-proċess ta’ riabilitazzjoni. Għal dan il-għan il-klijenti xorta jibqgħu jirrisjedu ġewwa l-programm f’dan l-istadju bikri ta’ rintegrazzjoni. F’din it-tielet fażi r-residenti huma wkoll mistennija li jikkontribwixxu għall-benesseri u ż-żamma tar-residenza. F’dan l-istadju l-klijenti jibqgħu jiġu megħjuna b’sessjonijiet individwali kif ukoll fi grupp li issa jkunu ffukati fuq il-ħajja lura fil-komunità ’l bogħod mill-programm. 

 

Bħala estensjoni tat-tielet fażi, jibqgħu jsiru gruppi regolari għan-nies li lestew it-tliet fażijiet u issa qegħdin jgħixu kompletament lura fil-komunità. Dan isir għaliex is-servizz jibqa’ kommess li jkompli jagħti aftercare għan-nies li jkunu temmew b’suċċess il-programm residenzjali.