Ġenituri separati

Il-korsijiet għall-ġenituri separati jew li qegħdin fil-proċess ta’ separazzjoni għandhom l-għan li jgħinu lill-ġenituri jifhmu kif jistgħu jgħinu lil uliedhom jagħmlu sens mis-separazzjoni. 

L-għan tal-kors, li hu mmexxi minn professjonisti mħarrġa fil-qasam, hu li jagħti ħiliet lill-ġenituri kif irabbu f’żewġt idjar separati filwaqt li jżommu l-aħjar interess tat-tfal tagħhom bħala prijorità. Għaldaqstant, il-ġenituri jiġu mitluba li l-ewwel jifhmu l-emozzjonijiet tagħhom u l-uġigħ tagħhom biex imbagħad ikunu jistgħu jgħinu lil uliedhom jagħmlu sens aħjar mis-sitwazzjoni. 

F’dan il-kors ukoll niffukaw fuq il-fatt li problemi relatati mal-koppja huma differenti mit-trobbija tal-ulied u li għalkemm ikun hemm problemi bejn il-koppji dawn xorta jistgħu jkunu ġenituri twajba għal uliedhom. Dawk kollha li huma interessati f’dan il-kors iridu jkunu għaddejjin jew għaddew diġà mill-proċess ta’ separazzjoni u l-koppja jkunu fi gruppi differenti biex tagħti l-opportunità li jħossuhom aktar komdi.