Trobbija Posittiva


​Il-Programm ta’ Trobbija Pożittiva jgħin lill-ġenituri jitrawmu f’ħiliet li aktar jistgħu jgħinuhom jissieltu mal-isfidi li jiltaqgħu magħhom. L-għan ta’ dan il-programm hu li l-ġenituri jagħrfu r-riżorsi li għandhom u jibnu fuqhom biex ikunu aktar effettivi u pożittivi fl-interventi tagħhom ma’ wliedhom. Il-ġenituri jkollhom il-possibbiltà li jkunu aktar ċari fuq il-valuri u l-għanijiet li fuqhom jixtiequ jibnu l-familja tagħhom. 


Importanti li l-ġenituri jagħrfu jaħtfu l-okkażjoni meta jaraw lil uliedhom jagħmlu xi ħaġa tajba u jikkomunikawhielhom b’mod li t-tfal jistgħu jifhmu. L-irwol tal-ġenitur hu li jgħin lit-tfal jagħrfu kif qed ikunu mqanqla minn sitwazzjonijiet differenti, filwaqt li jirrispettaw u jirrispondu għall-emozzjonijiet li t-tfal jippreżentaw. 


Il-ġenitur għandu l-possibbiltà jkun mudell għal uliedu u jgħinhom kif jimmaniġġjaw l-emozzjonijiet tagħhom b’mod aktar effettiv. Parti essenzjali minn dan it-taħriġ hu li l-ġenituri jagħrfu li meta t-tfal ikunu preparati għal dak li hu mistenni minnhom, ikunu jistgħu jwettquh aktar b’suċċess. Kull programm huwa mmexxi minn professjonijiet li huma mħarrġa fis-settur.