Is-Servizz ta' Prevenzjoni fi ħdan l-Aġenzija Sedqa huwa tim ta' 15-il membru magħmul minn numru ta' professjonisti, fosthom, social workers, youth workers, kif ukoll nies gradwati fil-psikoloġija. Is-servizzi offruti huma mmirati sabiex jinfurmaw lill-pubbliku u jgħinu lill-persuni jgħixu ħajja sana filwaqt li joqogħdu 'l bogħod minn vizzji.
L-għan prinċipali ta' dan is-servizz huwa li jipprovdi informazzjoni ċara u addattata għall-udjenzi ta' kull età fuq vizzji bħal abbuż minn alkoħol, drogi, logħob tal-azzard, kif ukoll imġiba oħra li tista' tiżviluppa f'dipendenza jekk mhux miżmuma taħt kontroll. Is-Servizz ta' Prevenzjoni dejjem jaħdem sabiex joħloq u jaddatta programm ta' taħroġ skont iż-żminijiet. Fi ħdan is-settur edukattiv, is-Servizz ta' Prevenzjoni joffri tliet programmi: T.F.A.L.3 (Tfal Favur Ambjent Liberu), T.F.A.L.5 u l-programm Teen Outside the Box. B'dan il-għan, tfal ta' seba', disa' u tnax-il sena jingħataw lezzjonijiet ta' prevenzjoni mill-vizzji u l-bini tal-karattru tul iż-żmien tal-iskola obbligatorja tagħhom.
Il-Programm SAFE (Substance Abuse Employee) huwa mmirat għall-postijiet tax-xogħol. Dan il-programm huwa bbażat fuq il-fatt riċerkat illi l-abbuż ta' sustanzi jista' jħalli impatt fuq il-post tax-xogħol kemm fejn tidħol il-persuna li qed issofri minn dipendenza kif ukoll dawk ta' madwarha fuq il-post tax-xogħol. Dan il-programm għandu l-għan li jwassal informazzjoni kif ukoll għodda għal min iħaddem dwar kif għandu jgħin lil persuna fid-diffikultà tagħha filwaqt li jippreserva il-post tax-xogħol u l-kollegi minn ħsara sekondarja.
Fil-kuntest tal-komunità, is-Servizz ta' Prevenzjoni jikkollabora ma' entitajiet fi ħdan il-lokalitajiet bħall-gruppi tal-Iscouts, nurseries sportivi u gruppi ta' żgħażagħ fost oħrajn. Dawn is-servizzi jingħataw prinċipalment f'forma ta' workshops li jkopru suġġetti kemm relatati ma' vizzji kif ukoll mal-bini tal-karattru. Is-servizzi ta' Prevenzjoni jilħqu wkoll il-komunità billi jipparteċipaw f'attivatijiet organizzati minn irħula u kunsilli lokali differenti.
Biex tapplikaw għas-Servizz ta' Prevenzjoni: Idħol Hawn