Servizzi tal-Psikoloġija

Is-Psychological Services hu magħmul minn tim interdixxiplinarju u joffri interventi psikoterapewtiċi u ġeneriċi lill-klijenti fi ħdan l-FSWS u kif ukoll lill-pubbliku ġenerali. Is-Servizz jilqa' fi ħdanu psikologi, psikoterapisti, counsellors u terapisti tal-familja.

Il-missjoni tas-servizz hi li joffri sapport u interventi professjonali lil minuri, adulti, koppji u familji li jkunu għaddejjin minn żmien diffiċli kawża ta' trawmiet, abbuż fuq adulti jew minuri, dipendenza u abbuż ta' sustanzi, problemi relazzjonali jew telfiet li jikkawżaw impatt fuq il-funzjonijiet tagħhom fil-ħajja ta' kuljum. L-għan tas-servizz huwa wkoll li joffri sapport lil professjonisti oħra fi ħdan FSWS.

Is-servizz joffri wkoll korsijiet għal trobbija pożittiva, lil ġenituri li jkunu għaddejjin jew għaddew minn separazzjoni.

L-għan aħħari tas-servizz hu li kull individwu jkollu l-opportunità li jħossu sikur, igawdi relazzjonijiet pożittivi u jirċievi s-sapport neċessarju sabiex jirnexxi fil-ħajja u sabiex ikun jista' jwettaq il-funzjonijiet tiegħu b'mod seren u indipendenti, u jkun kapaċi jagħmel deċiżjonijiet għaqlin u jħossu involut fil-komunità.