Il-President jattendi għall-gradwazzjoni ta’ persuni li ħelsu mid-droga
“Dal-mument kemm stennejniħ, it-tnejn flimkien ħdimna għalih”. Din hija strofa mid-diska emozzjonali ‘Bla Tarf’ tal-kantant Malti Kurt Calleja waqt li kien qed jinterpreta fl-okkażjoni ta’ ċerimonja ta’ gradwazzjoni mill-Aġenzija Sedqa. Din id-diska rebbieħa tal-edizzjoni ta’ din is-sena tal-festival Mużika Mużika nkitbet speċifikament għal koppja li żżewġu wara li ltaqgħu waqt li kienu qed jattendu programm fil-Komunità Santa Marija, ċentru ta’ rijabilitazzjoni għal kontra d-droga.
F’din il-lejla speċjali ħames persuni ggradwaw b’suċċess fejn, wara snin jattendu programm fil-Komunità Santa Marija (KSM), issa jinsabu ħielsa mill-vizzju tad-droga. F’din l-okkażjoni, li issa saret parti mill-kalendarju annwali tal-Aġenzija Sedqa, attendew ukoll il-President ta’ Malta Dr George Vella flimkien mas-Sinjura Vella. Fl-aħħar taċ-ċerimonja, ir-residenti ħejjew lil dawk preżenti festin speċjali.
“Intom pedina importanti għas-soċjetà tagħna. Tridu turu li intom illum il-ġurnata nies differenti u se taffaċċjaw il-ħajja b’wiċċkom ‘il quddiem. Kunu intom issa li turu t-triq ‘il quddiem għal ħaddiehor.” Hekk saħaq il-President Dr George Vella meta kien qed jindirizza lil dawk preżenti waqt din l-okkażjoni. Fid-diskors tiegħu huwa sellem lil dawk li gradwaw u qalilhom li dan mhux l-għeluq imma l-bidu ta’ ħajja oħra filwaqt li iddeskriva din l-okkażjoni bħala ċelebrazzjoni ta’ kuraġġ.
“Intom għażiltu li tissieltu għall-ħajja u terġgħu tkunu fuq in-naħa tat-tmun u ma tħallux lil ħaddiehor jew affarijiet oħra jmexxu ħajjitkom,” qal Dr Vella filwaqt li żied jgħid li bħala soċjetà għandna nuru empatija. “Faċli wieħed iwaħħal tabella ma’ persuna u jibqa’ jidentifika lil dak li jkun għal dak il-mod. Hemm bżonn edukazzjoni qawwija fuq barra dwar dan.”
Għal din l-attività attenda wkoll il-Ministru għall-Politika Soċjali u Drittijiet tat-tfal Dr Michael Falzon fejn minn naħa tiegħu sostna kif jemmnu li fis-soċjetà tagħna jrid ikun hemm post għal kulħadd u li lkoll kemm aħna m’għandna qatt niġġudikaw. Filwaqt li qal li d-droga u l-alkoħol mhux is-soluzzjoni iżda huma problema, Dr Falzon enfasizza li l-messaġġ politiku huwa li dejjem nimxu bl-inklużjoni. “Ma tistax tiġġudika. Minn barra l-eħfef ħaġa hija li tiġġudika u ma tagħmel xejn, imma minn ġewwa l-istorja hija ferm differenti. Aħna qegħdin hawn għax nemmnu fikom u mhux biex niġġudikaw.”
Dr Falzon żied jgħid li meta wieħed jagħżel li jfittex l-għajnuna, din mhix sinjal ta’ dgħufija imma min jagħmel hekk huwa kuraġġuż u qed juri r-rieda li kapaċi jagħmel pass ‘il quddiem. B’dan il-messaġġ huwa ħeġġeġ biex kull min ikollu bżonn l-għajnuna, jagħmel l-ewwel pass u jersaq ‘il quddiem.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) Alfred Grixti ddeskriva din l-okkażjoni bħala opportunità biex tiġi ċċelebrata storja oħra ta’ suċċess għall-Fondazzjoni.
Huwa elenka diversi aspetti ta’ kif l-Aġenzija Sedqa hija tassew storja ta’ suċċess li jinkiseb kuljum, fosthom mill-aspett ta’ trattament, b’medja ta’ 750 pazjenti li jingħataw l-għajnuna kuljum billi jamministrawlhom mas-750 doża ta’ methadone, u f’dak li għandu x’jaqsam fl-in patient treatment. Dan għaliex Sedqa hija l-unika entità f’dan il-qasam, apparti mill-Isptar Monte Carmeli, li għandha in-patient detox li jinsab f’Dar l-Impenn.
Is-Sur Grixti enfasizza l-importanza tal-programm ta’ rijabilitazzjoni ta’ Sedqa għall-fatt li dan huwa uniku f’pajjiżna fis-sens li huwa ħolistiku w integrat u japplika għal kull tip ta’ dipendenza, kemm droga, kemm alkoħol u anke dipendenzi oħrajn. Għal din ir-raġuni, l-Aġenzija Sedqa hija wkoll leader fejn jidħol it-trattament għal persuni li jixtiequ jirrijabilitaw ruħhom mill-vizzju tad-droga.
Fid-diskors tiegħu, is-Sur Grixti ma naqasx milli jaċċenna għas-suċċess taż-żewġ persuni li ispiraw id-diska ‘Bla Tarf’, li ltaqgħu waqt il-programm, temmew il-programm b’suċċess, daħlu f’relazzjoni u llum il-ġurnata qed jgħixu barra minn Malta fejn għandhom il-business tagħhom. Fl-aħħar nett huwa aċċenna għar-rinnovazzjoni estensiv ġewwa Komunità Santa Marija, li sar b’investiment ta’ Ewro 194,880, u qal li issa jmiss ir-rinnovazzjoni ta’ Dar l-Impenn.
Min-naħa tiegħu id-Direttur ta’ Sedqa Charles Scerri qal li din l-okkażjoni hija tassew ċelebrazzjoni minn żewġ aspetti fejn min-naħa hemm ħames persuni li qed jibdew bidu ġdid u min-naħa l-oħra hija ċelebrazzjoni ta’ xogħol kollettiv li jwassal għal għan komuni. Huwa sostna li Aġenzija Sedqa se tibqa’ kommessa li tkompli bil-ħidma tagħha biex ikollha aktar stejjer ta’ suċċess fil-futur. “Mill-prevenzjoni sal-after care nibqgħu kommessi biex nibqgħu nikkumbattu, flimkien ma’ entitajiet oħra li għandhom l-istess għan, din il-gwerra li ma tintemm qatt,” qal Scerri.
Fl-aħħar nett iċ-Ċerpersin Kliniku taċ-Ċentru Detox Dr Anna Maria Vella ddeskriviet dan il-jum bħala wieħed ta’ ferħ mhux biss għar-residenti u l-familjari, iżda wkoll għall-professjonisti li jkunu qed jistennew jum bħal dan b’tant ħerqa. “Dan il-jum jagħtina kuraġġ għas-sena kollha. Dan hu jum ta’ ferħ. Iva, hemm triq għal barra. Iva nistgħu noħorġu minn ġo dan l-isqaq ta’ dipendenza. Ngħidilkom li min issa se ssiru role models. Għandna bżonn l-eżempji tagħkom. Uru lin-nies li anke jekk it-triq iebsa, irnexxielkom timxuha.”
L-Aġenzija Sedqa, fi ħdan il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS), tipprovdi assistenza u servizzi fil-promozzjoni tas-saħħa, il-prevenzjoni, it-trattament u r-riabilitazzjoni lil persuni bi problemi ta’ dipendenzi. Dan jingħata kemm lilhom u lill-familji tagħhom, biex jgħinhom jgħixu ħajja stabbli u jintegraw aħjar fis-soċjetà. Sedqa tappoġġja wkoll lil persuni li għaddejjin minn xi vizzju biex ibiddlu ħajjithom u jgħixu ħajja aktar f’saħħitha u aktar sodisfaċenti waqt li jsiru ċittadini produttivi fis-soċjetà.
L-Aġenzija Sedqa timpjega fi ħdanha diversi professjonisti; tobba, ħaddiema soċjali, youth workers, psikologi w infermieri, fost professjonijiet oħrajn. Bi storja twila fil-qasam soċjali, Sedqa tibqa’ punt ta’ referenza għall-Gvern biex ifassal il-politika tiegħu u leġislazzjoni f’dan il-qasam. Sedqa tibqa’ wkoll timpenja ruħha biex taħdem id f’id ma’ organizzazzjonijiet oħrajn fil-qasam soċjali biex flimkien toffri pakkett ta’ għajnuniet biex verament il-klijenti u l-familji tagħhom jibqgħu dejjem fiċ-ċentru tal-operat tagħha bħala aġenzija nazzjonali.


