Report Abuse
Close Tab

SEDQA GRADUATION

Il-President jattendi għall-gradwazzjoni ta’ persuni li ħelsu mid-droga

“Dal-mument kemm stennejniħ, it-tnejn flimkien ħdimna għalih”. Din hija strofa mid-diska emozzjonali ‘Bla Tarf’ tal-kantant Malti Kurt Calleja waqt li kien qed jinterpreta fl-okkażjoni ta’ ċerimonja ta’ gradwazzjoni mill-Aġenzija Sedqa. Din id-diska rebbieħa tal-edizzjoni ta’ din is-sena tal-festival Mużika Mużika nkitbet speċifikament għal koppja li żżewġu wara li ltaqgħu waqt li kienu qed jattendu programm fil-Komunità Santa Marija, ċentru ta’ rijabilitazzjoni għal kontra d-droga.

F’din il-lejla speċjali ħames persuni ggradwaw b’suċċess fejn, wara snin jattendu programm fil-Komunità Santa Marija (KSM), issa jinsabu ħielsa mill-vizzju tad-droga. F’din l-okkażjoni, li issa saret parti mill-kalendarju annwali tal-Aġenzija Sedqa, attendew ukoll il-President ta’ Malta Dr George Vella flimkien mas-Sinjura Vella. Fl-aħħar taċ-ċerimonja, ir-residenti ħejjew lil dawk preżenti festin speċjali.

“Intom pedina importanti għas-soċjetà tagħna. Tridu turu li intom illum il-ġurnata nies differenti u se taffaċċjaw il-ħajja b’wiċċkom ‘il quddiem. Kunu intom issa li turu t-triq ‘il quddiem għal ħaddiehor.” Hekk saħaq il-President Dr George Vella meta kien qed jindirizza lil dawk preżenti waqt din l-okkażjoni. Fid-diskors tiegħu huwa sellem lil dawk li gradwaw u qalilhom li dan mhux l-għeluq imma l-bidu ta’ ħajja oħra filwaqt li iddeskriva din l-okkażjoni bħala ċelebrazzjoni ta’ kuraġġ.

“Intom għażiltu li tissieltu għall-ħajja u terġgħu tkunu fuq in-naħa tat-tmun u ma tħallux lil ħaddiehor jew affarijiet oħra jmexxu ħajjitkom,” qal Dr Vella filwaqt li żied jgħid li bħala soċjetà għandna nuru empatija. “Faċli wieħed iwaħħal tabella ma’ persuna u jibqa’ jidentifika lil dak li jkun għal dak il-mod. Hemm bżonn edukazzjoni qawwija fuq barra dwar dan.”

Għal din l-attività attenda wkoll il-Ministru għall-Politika Soċjali u Drittijiet tat-tfal Dr Michael Falzon fejn minn naħa tiegħu sostna kif jemmnu li fis-soċjetà tagħna jrid ikun hemm post għal kulħadd u li lkoll kemm aħna m’għandna qatt niġġudikaw. Filwaqt li qal li d-droga u l-alkoħol mhux is-soluzzjoni iżda huma problema, Dr Falzon enfasizza li l-messaġġ politiku huwa li dejjem nimxu bl-inklużjoni. “Ma tistax tiġġudika. Minn barra l-eħfef ħaġa hija li tiġġudika u ma tagħmel xejn, imma minn ġewwa l-istorja hija ferm differenti. Aħna qegħdin hawn għax nemmnu fikom u mhux biex niġġudikaw.”

Dr Falzon żied jgħid li meta wieħed jagħżel li jfittex l-għajnuna, din mhix sinjal ta’ dgħufija imma min jagħmel hekk huwa kuraġġuż u qed juri r-rieda li kapaċi jagħmel pass ‘il quddiem. B’dan il-messaġġ huwa ħeġġeġ biex kull min ikollu bżonn l-għajnuna, jagħmel l-ewwel pass u jersaq ‘il quddiem.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) Alfred Grixti ddeskriva din l-okkażjoni bħala opportunità biex tiġi ċċelebrata storja oħra ta’ suċċess għall-Fondazzjoni.

Huwa elenka diversi aspetti ta’ kif l-Aġenzija Sedqa hija tassew storja ta’ suċċess li jinkiseb kuljum, fosthom mill-aspett ta’ trattament, b’medja ta’ 750 pazjenti li jingħataw l-għajnuna kuljum billi jamministrawlhom mas-750 doża ta’ methadone, u f’dak li għandu x’jaqsam fl-in patient treatment. Dan għaliex Sedqa hija l-unika entità f’dan il-qasam, apparti mill-Isptar Monte Carmeli, li għandha in-patient detox li jinsab f’Dar l-Impenn.

Is-Sur Grixti enfasizza l-importanza tal-programm ta’ rijabilitazzjoni ta’ Sedqa għall-fatt li dan huwa uniku f’pajjiżna fis-sens li huwa ħolistiku w integrat u japplika għal kull tip ta’ dipendenza, kemm droga, kemm alkoħol u anke dipendenzi oħrajn. Għal din ir-raġuni, l-Aġenzija Sedqa hija wkoll leader fejn jidħol it-trattament għal persuni li jixtiequ jirrijabilitaw ruħhom mill-vizzju tad-droga.

Fid-diskors tiegħu, is-Sur Grixti ma naqasx milli jaċċenna għas-suċċess taż-żewġ persuni li ispiraw id-diska ‘Bla Tarf’, li ltaqgħu waqt il-programm, temmew il-programm b’suċċess, daħlu f’relazzjoni u llum il-ġurnata qed jgħixu barra minn Malta fejn għandhom il-business tagħhom. Fl-aħħar nett huwa aċċenna għar-rinnovazzjoni estensiv ġewwa Komunità Santa Marija, li sar b’investiment ta’ Ewro 194,880, u qal li issa jmiss ir-rinnovazzjoni ta’ Dar l-Impenn.

Min-naħa tiegħu id-Direttur ta’ Sedqa Charles Scerri qal li din l-okkażjoni hija tassew ċelebrazzjoni minn żewġ aspetti fejn min-naħa hemm ħames persuni li qed jibdew bidu ġdid u min-naħa l-oħra hija ċelebrazzjoni ta’ xogħol kollettiv li jwassal għal għan komuni. Huwa sostna li Aġenzija Sedqa se tibqa’ kommessa li tkompli bil-ħidma tagħha biex ikollha aktar stejjer ta’ suċċess fil-futur. “Mill-prevenzjoni sal-after care nibqgħu kommessi biex nibqgħu nikkumbattu, flimkien ma’ entitajiet oħra li għandhom l-istess għan, din il-gwerra li ma tintemm qatt,” qal Scerri.

Fl-aħħar nett iċ-Ċerpersin Kliniku taċ-Ċentru Detox Dr Anna Maria Vella ddeskriviet dan il-jum bħala wieħed ta’ ferħ mhux biss għar-residenti u l-familjari, iżda wkoll għall-professjonisti li jkunu qed jistennew jum bħal dan b’tant ħerqa. “Dan il-jum jagħtina kuraġġ għas-sena kollha. Dan hu jum ta’ ferħ. Iva, hemm triq għal barra. Iva nistgħu noħorġu minn ġo dan l-isqaq ta’ dipendenza. Ngħidilkom li min issa se ssiru role models. Għandna bżonn l-eżempji tagħkom. Uru lin-nies li anke jekk it-triq iebsa, irnexxielkom timxuha.”

L-Aġenzija Sedqa, fi ħdan il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS),  tipprovdi assistenza u servizzi fil-promozzjoni tas-saħħa, il-prevenzjoni, it-trattament u r-riabilitazzjoni lil persuni bi problemi ta’ dipendenzi. Dan jingħata kemm lilhom u lill-familji tagħhom, biex jgħinhom jgħixu ħajja stabbli u jintegraw aħjar fis-soċjetà. Sedqa tappoġġja wkoll lil persuni li għaddejjin minn xi vizzju biex ibiddlu ħajjithom u jgħixu ħajja aktar f’saħħitha u aktar sodisfaċenti waqt li jsiru ċittadini produttivi fis-soċjetà.

L-Aġenzija Sedqa timpjega fi ħdanha diversi professjonisti; tobba, ħaddiema soċjali, youth workers, psikologi w infermieri, fost professjonijiet oħrajn. Bi storja twila fil-qasam soċjali, Sedqa tibqa’ punt ta’ referenza għall-Gvern biex ifassal il-politika tiegħu u leġislazzjoni f’dan il-qasam.  Sedqa tibqa’ wkoll timpenja ruħha biex taħdem id f’id ma’ organizzazzjonijiet oħrajn fil-qasam soċjali biex flimkien toffri pakkett ta’ għajnuniet biex verament il-klijenti u l-familji tagħhom jibqgħu dejjem fiċ-ċentru tal-operat tagħha bħala aġenzija nazzjonali.

FSWS
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.