Ikseb Għajnuna
Ikseb Għajnuna
Irrapporta Abbuż
Agħlaq it-Tab

​​Is-sena 2019 kienet waħda fejn is-servizzi residenzjali tal-Aġenzija Sedqa ġew integrati fi programm wieħed bl-isem ta’ Komunità Santa Marija.

Ix-xejra tal-użu tas-sustanzi f’dawn l-aħħar snin inbidlet u aktar ma għadda ż-żmien aktar sar diffiċli illi wieħed jifred l-abbuż ta’ sustanzi bħalma huma l-alkoħol u d-drogi. Għal dan il-għan, il-filosofija li tiggwida l-programm residenzjali żiedet li tiffoka dwar id-dipendenza u l-iżvilupp tagħha aktar milli tiffoka kontra sustanza partikolari. F’dan it-tibdil, anke l-Assessment and Stabilisation Unit illi qabel kien servizz għalih issa ġie integrat bħala l-ewwel stadju ta’ servizz aktar fit-tul. B’dan il-mod wieħed ikompli jenfasizza illi l-istadju ta’ stabilizzazzjoni tal-persuna huwa biss il-bidu tal-proċess riabilitattiv, u mhux ir-riabilitazzjoni fih innifsu.

Komunità Santa Marija toffri struttura terapewtika b’enfasi fuq l-għajxien bħala komunità fuq perjodu ta’ 14-il xhar. Tul dan il-perjodu hemm tliet fażijiet, illi jakkumpanjaw ir-resident mill-fażijiet inizjali ta’ rkupru fiżiku, mentali u emozzjonali sal-integrazzjoni tiegħu lura fis-soċjetà.

Fażi 1 – Fażi ta’ Assessjar u Stabilità:
F’din il-fażi, l-għan huwa illi l-klijenti li jkunu għaddew mill-fażi ta’ ditossifikazzjoni jingħataw spazju sigur fejn jikkonsolidaw l-irkupru fiżiku u dak mentali tagħhom. Fis-sigurtà tar-residenza tagħna l-klijent ikollu ċans jiskopri dawk li huma diffikultajiet personali, relazzjonali u ta’ ambjent illi fih jgħix, li qegħdin iżommuh jirrikorri għall-vizzju. Kull persuna tiġi megħjuna tifhem il-kuntest storiku, bijoloġiku, psikoloġiku u soċjali tad-diffikultajiet tiegħu/tagħha. Meta dan jintlaħaq, isiru l-preparamenti sabiex dak li jkun jgħaddi għall-fażi 2 tal-programm.

Fażi 2 – Fażi Terapewtika:
F’dan l-istadju, l-objettiv huwa illi jinħoloq spazju li fih l-individwu jista’ jikber fi grupp ta’ nies iffukati li jikbru kemm personalment u ma’ ta’ madwarhom. Dan isir f’ambjent irregolat minn regoli terapewtiċi li kull resident huwa mistenni li jħaddan. B’dan il-mod, kulħadd jiġi megħjun jifhem kif l-imġiba tiegħu, flimkien maż-żamma jew il-ksur ta’ dawn ir-regoli, jirrappreżentaw l-imġiba tagħhom barra mill-programm. B’dan il-mod wieħed jispera li l-individwu jirrealizza l-benefiċċju ta’ ħajja strutturata ’l bogħod mill-użu tas-sustanzi, kif ukoll it-tkabbir ta’ abilità ta’ riflessjoni dwar l-imġiba personali u kif din timpatta lill-persuna nnifisha kif ukoll dawk ta’ madwarha. Wara l-ewwel xahrejn f’din il-fażi, ir-resident ikun jista’ jerġa’ jibda joħroġ barra mill-programm għal ftit sigħat sabiex ikun jista’ jifhem fejn wasal fir-riabilitazzjoni tiegħu meta jaffronta b’mod sigur u protett il-ħajja barra Komunità Santa Marija. Wara kull ħarġa r-resident jintalab jirrifletti dwar dak li esperjenza barra mill-programm u jipproċessa l-esperjenza flimkien ma’ wieħed mill-ħaddiema.

Fażi 3 – Fażi ta’ Rintegrazzjoni:
Suċċess fit-tieni fażi tal-programm wieħed jagħti x’jifhem illi resident ikun issa aktar preparat sabiex jaffronta wieħed mill-akbar objettivi tal-programm innifsu; dak illi wieħed ikun jista’ jirritorna fis-soċjetà bħala persuna indipendenti b’responsabbilitajiet akbar bħaż-żamma ta’ impjieg u responsabbilitajiet personali oħrajn. Dawn l-ewwel passi lejn ħajja indipendenti fejn jinstab xogħol u l-klijenti jibdew jaħdmu, isiru bl-għarfien illi l-klijent ikun għadu għaddej mill-proċess ta’ riabilitazzjoni. Għal dan il-għan il-klijenti xorta jibqgħu jirrisjedu ġewwa l-programm f’dan l-istadju bikri ta’ rintegrazzjoni. F’din it-tielet fażi r-residenti huma wkoll mistennija li jikkontribwixxu għall-benesseri u ż-żamma tar-residenza. F’dan l-istadju l-klijenti jibqgħu jiġu megħjuna b’sessjonijiet individwali kif ukoll fi grupp li issa jkunu ffukati fuq il-ħajja lura fil-komunità ’l bogħod mill-programm.

Bħala estensjoni tat-tielet fażi, jibqgħu jsiru gruppi regolari għan-nies li lestew it-tliet fażijiet u issa qegħdin jgħixu kompletament lura fil-komunità. Dan isir għaliex is-servizz jibqa’ kommess li jkompli jagħti aftercare għan-nies li jkunu temmew b’suċċess il-programm residenzjali.

FSWS
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.