Ikseb Għajnuna
Ikseb Għajnuna
Irrapporta Abbuż
Agħlaq it-Tab
Meta nkun f’kuntatt mas-servizzi offruti mill-FSWS, niġi mistoqsi ħafna dettalji personali. X’inhuma d-drittijiet tiegħi dwar dawn id-dettalji?

Jekk is-servizz li qed tirċievi mill-FSWS huwa wieħed ta’ natura volontarja, l-ebda dettalji personali dwarek ma jistgħu jinġabru, miżmuma u proċessati mingħajr il-kunsens tiegħek. Is-soltu, l-ewwel persuna li tiltaqa’ magħha mill-FSWS tagħtik dikjarazzjoni sabiex inti tkun tista’ tagħti dan il-kunsens.

Inti għandek id-dritt li tirrifjuta milli tagħti l-kunsens tiegħek; madanakollu dan jista’ jillimita s-servizzi li nkunu nistgħu noffrulek.

Meta inti tagħti l-kunsens tiegħek sabiex aħna nkunu nistgħu nipproċessaw id-dettalji personali tiegħek, inti għandek drittijiet oħra. Dawn jinkludu:

Id-dritt li tkun infurmat. L-FSWS għandha r-responsabbiltà li tinfurmak x’dettalji personali tiegħek għandha u x’qed tagħmel b’dawn id-dettalji.
Id-dritt għall-aċċess. Inti għandek id-dritt li jkollok aċċess għad-dettalji personali li l-FSWS għandha dwarek. Jekk trid tagħmel hekk, hemm bżonn li tagħmel it-talba tiegħek bil-miktub u fi żmien xahar tingħata dan l-aċċess jekk ma jkun hemm xejn x’jimpedina milli nagħmlu dan. Jekk ikun hekk, ninfurmawk bir-raġuni.
Id-dritt li tikkoreġi. Inti għandek id-dritt li l-FSWS iżżomm dettalji personali korretti dwarek. Għaldaqstant, jekk ikun hemm xi bdil f’dawn id-dettalji inti għandek tavża b’dan lill-FSWS u taċċerta ruħek li l-korrezzjoni tkun saret.
Id-dritt li d-dettalji personali tiegħek jinqerdu. Meta l-kuntatt tiegħek mas-servizzi tal-FSWS jintemm, id-dettalji personali tiegħek jinżammu għal perjodu ta’ żmien u wara jinqerdu jew jinbidlu b’tali mod li inti ma tiġix identifikat magħhom.
Id-dritt li tillimita l-proċessar tad-dettalji personali tiegħek. F’każ ta’ servizzi volontarji, inti għandek id-dritt li titlob lill-FSWS li ma tgħaddix id-dettalji personali tiegħek lil terzi mingħajr il-kunsens tiegħek. Madanakollu dan jista’ jkollu impatt negattiv fuq il-kwalità tas-servizzi li tirċievi.
Id-dritt li tieħu d-dettalji personali tiegħek. Jekk tiddeċiedi li tixtieq li d-dettalji personali tiegħek li għandha l-FSWS tgħaddihom lil xi aġenzija oħra, int tista’ tagħmel dan billi tinforma lill-FSWS bil-miktub dwar dan.
Id-dritt li toġġezzjona li jittieħdu deċiżjoniet dwarek b’mod awtomatiku. Inti għandek id-dritt li tkun infurmat jekk id-dettalji personali tiegħek qed jintużaw b’tali mod li qed jittieħdu deċiżjonijiet dwarek (pereżempju, jekk intix eliġibbli għal xi servizz jew le) b’mod awtomatiku. Għandek ukoll id-dritt li toġġezzjona li dan isir.
Id-dritt li tirtira l-kunsens tiegħek. Fil-każ li qed tirċievi xi servizz volontarju mill-FSWS, inti għandek id-dritt li tirtira l-kunsens tiegħek li d-dettalji personali tiegħek jibqgħu jiġu proċessati. Dan l-aħjar li jsir bil-miktub. Jekk tagħżel li tagħmel dan, il-kwalità u t-tip ta’ servizzi li nkunu nistgħu noffrulek jistgħu jiġu affettwati.

[email protected]

X’inhi l-Iskema ta’ Self Soċjali?

L-Iskema ta’ Self Soċjali toffri sapport lill-individwi li qed isibuha finanzjarjament diffiċli sabiex jixtru l-propjetà tagħhom. L-entitajiet involuti f’din l-iskema (L-Awtorità tad-Djar, il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, APS Bank u Bank of Valletta) jipprovdu gwida u assistenza neċessarja għall-benefiċjarji.

Kif nista’ nibbenefika mill-Iskema ta’ Self Soċjali?

Il-Bank joħroġ l-10% tal-prezz totali tal-propjetà bħala garanzija bejn il-bejjiegħ u x-xerrej mal-konvenju.

Servizzi ta’ nutara bla ħlas.

Miżati legali tal-Bank bla ħlas.

Sussidju fuq ħlas lura lill-Bank sa €166 fix-xahar (l-ammont ta’ sussidju jibbaża fuq l-istat tal-applikant).

Min hu eliġibbli biex japplika?

Età ta’ ’l fuq minn 18-il sena

Persuna b’ċittadinanza Maltija

Persuna b’impjieg full-time

Individwu li m’għandux propjetà oħra

Id-dħul gross fis-sena ma jaqbiżx il-limitu ta’:

€20,354.64 għall-koppji

€19,354.64 għall-individwi bi stat ta’ single parents li għandhom it-tfal jgħixu magħhom

€18,354.64 għall-persuni single, separati, divorzjati, annullati jew romol

€20,354.64 għall-persuni b’diżabilità jew li għandhom membru fil-familja b’diżabilità

M’għandhomx assi ta’ aktar minn €23,000

Kif nista’ napplika?

Applikanti eliġibbli li jixtiequ japplikaw għall-iskema għandhom jagħmlu kuntatt ma’ l-Awtorità tad-Djar fuq in-numru 2299 1000 jew fuq freephone 8007 2232, jew iżuru l-uffiċini ta’ l-Awtorità tad-Djar li jinsabu 22, Housing Authority, Triq Pietro Floriani, il-Furjana, FRN 1061. Individwi jistgħu jiġbru l-applikazzjoni mill-uffiċini ta’ l-Awtorità tad-Djar jew inkella jimlew l-applikazzjoni online. Lista ta’ dokumenti neċessarji tiġi provduta mal-applikazzjoni. https://housingauthority.gov.mt/en/Pages/Schemes/Home-Assist-Scheme-BOV.aspx

Jekk tixtieq tapplika online, jekk jogħġbok agħfas fuq il-link t’hawn taħt:

Liema Banek qed jikkollaboraw f’din l-iskema?

Il-Bank tal-APS u Bank of Valletta (BOV) qegħdin jikkollaboraw ma’ l-Awtorità tad-Djar u mal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali. Il-benefiċjari għandhom l-opportunità li jagħżlu ma’ liema bank jixtiequ japplikaw.

X’inhu l-proċess tal-Iskema?

1: Applika ma’ l-Awtorità tad-Djar

2: Jekk l-Awtorità tad-Djar tapprova l-eliġibilità, rappreżentant ta’ l-FSWS jagħmel kuntatt miegħek sabiex issir skeda ta’ appuntament għall-intervista

3: L-applikazzjoni tiġi mibgħuta lill-APS jew lill-BOV

4: Il-Bank jagħmel kuntatt miegħek, sabiex jinfurmak bl-ammont ta’ self li inti tkun eliġibbli għalih

5: Fittex propjetà

6: Meta ssib il-propjetà li tixtieq, iffirma l-ftehim ma’ l-Awtorità tad-Djar

7: Iffirma l-konvenju tal-Propjetà

8: Meta l-ittra ta’ sanzjoni tiġi proċessata mill-Bank, jiġi ffirmat il-kuntratt tal-propjetà

X’inhu l-ammont massimu li nista’ nissellef mill-Bank?

L-ammont massimu ta’ self huwa ta’ €120,000. Il-Bank jieħu d-deċiżjoni finali rigward l-ammont ta’ self li jista’ jingħata.

Kemm tista’ tkun tiswa l-propjetà?

Il-propjetà m’għandhiex tkun tiswa aktar minn €140,000.

Lil min nista’ nkellem għal aktar informazzjoni?

Għal aktar informazzjoni inti mitlub/a ċċempel fuq 22588983 sabiex titkellem ma’ rappreżentat mill-FSWS.

X’inhu l-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD)?

Il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn jew kif inhu magħruf aktar bħala l-FEAD, huwa kkofinanzjat mill-programm tal-Unjoni Ewropea li jibqa’ għaddej sal-2020.

Familji fil-bżonn, b’mod partikolari dawk li jinkludu tfal u anzjani, se jkunu mmirati permezz ta’ distribuzzjoni perjodika ta’ pakketti ta’ ikel. Se ssir enfasi fuq it-titjib tal-livelli tal-għajxien tan-nies li jgħixu f’dawn il-familji u biex jittaffa r-riskju tagħhom ta’ faqar. Il-familji mhux sempliċement se jingħataw ikel b’xejn iżda wkoll l-appoġġ soċjali meħtieġ.

Hemm xi kriterji sabiex inkun eleġibbli għal din l-iskema?

Dawk il-persuni li huma eleġibbli taħt waħda mill-kategoriji ġenerali ta’ kriterji ta’ eleġibbiltà msemmija hawn taħt, se jirċievu l-istess valur ta’ prodotti tal-ikel (Pakkett A). Barra minn hekk, dawk li huma eleġibbli taħt il-kategorija 2 iżda għandhom tlett itfal jew aktar taħt is-16-il sena għandhom jirċievu pakkett ta’ ikel addizzjonali (Pakkett B) li jinkludi nofs il-prodotti tal-ikel tal-pakkett A.

Kriterji ta’ eleġibbiltà ġenerali:

1. Familji li jirċievu benefiċċji mhux kontributorji u jgħaddu mit-Test tal-Meżżi u li għandhom żewġt itfal jew iktar taħt l-età ta’ sittax-il (16) sena

2. Familji li għandhom żewġt itfal jew iktar taħt l-età ta’ sittax-il (16) sena u li għandhom dħul ta’ inqas minn 80% tal-Paga Minima Nazzjonali

3. Familji li għandhom żewġt itfal jew iktar taħt l-età ta’ sittax-il (16) sena u li għandhom dħul li ma jaqbiżx il-Paga Minima Nazzjonali

4. Familji (u mhux persuni waħedhom) li jirċievu Pensjoni tal-età mhux kontributorja

Jekk nikkwalifika għal waħda minn dawn il-kriterji x’hemm bżonn li nagħmel?

Il-persuna eleġibbli m’għandhiex għalfejn tissottometti applikazzjoni biex tibbenefika minn dan il-fond.

Jekk inkun eleġibbli għal din l-iskema kif se niġi infurmat?

Dawk kollha li se jibbenefikaw minn dan il-programm se jirċievu bil-quddiem ittra li tinfurmahom li huma eleġibbli kif ukoll jiġi indikat lilhom iċ-ċentru, id-dati u l-ħinijiet minn fejn jistgħu jiġbru l-pakkett/i tal-ikel tagħhom.

Kemm-il darba fis-sena isir dan it-tqassim?

Dan il-pakkett tal-ikel jitqassam tliet darbiet fis-sena.

Xi jkun jinvolvi dan il-Pakkett tal-Ikel?

Il-pakketti tal-ikel imqassma fid-djar taħt il-Programm FEAD jikkonsistu mill-oġġetti li ġejjin: borża te, pakketti tal-couscous, ċereali (qamħ sħiħ), Corn Flakes, għaġin, ross, ħaxix (fil-bottijiet), polpa tat-tadam (fil-bottijiet), frott (fil-bottijiet), tonn taż-żejt, zalzett (fil-bottijiet), fażola (fil-bottijiet), ġewż imnixxef u legumi.

X’inhi l-Iskema ta’ Distribuzzjoni tal-Ikel iffinanzjat mill-Istat (SFFD)?

L-Iskema ta’ Distribuzzjoni tal-Ikel Iffinanzjat mill-Istat jew kif inhi aktar magħrufa bħala l-SFFD, se tingħata lin-nies l-iktar fil-bżonn, u hija ffinanzjata totalment mill-Istat.

Hemm xi kriterji sabiex inkun eleġibbli għal din l-iskema?

i) Persuni li jirċievu benefiċċju mhux kontributorju (għajnuna għall-qgħad, benefiċċju speċjali għall-qgħad, assistenza soċjali, bord ta’ assistenza soċjali, allowance għal ġenitur waħdu mhux miżżewweġ, allowance għall-carer, allowance miżjuda għall-carer u pensjoni tal-età), li għandu tifel/tifla wieħed/waħda taħt is-16-il sena.

ii) Persuni eleġibbli għal pensjoni mhux kontributorja li jikkwalifikaw mit-Test tal-Mezzi u li huma persuni waħedhom

iii) Persuni li jirċievu benefiċċju ta’ enerġija:

o Li jkollhom tifel wieħed biss taħt l-età ta’ 16-il sena

o Li jkollhom 2+ tfal taħt l-età ta’ 16-il sena

o Li jkollhom it-tfal kollha b’età ta’ AKTAR minn 16-il sena

o Li ma jkollhomx tfal

iv) Persuni li jirċievu pensjoni tad-diżabilità (assistenza tad-diżabilità, assistenza għal diżabilità severa, assistenza miżjuda għal diżabilità severa, assistenza għall-persuni b’vista batuta) u mhux f’impjieg

Jekk nikkwalifika għal waħda minn dawn il-kriterji x’hemm bżonn li nagħmel?

Il-persuna eleġibbli m’għandhiex għalfejn tissottometti applikazzjoni biex tibbenefika minn dan il-fond.

Jekk inkun eleġibbli għal din l-iskema kif se niġi infurmat?

Dawk kollha li se jibbenefikaw minn dan il-programm se jirċievu bil-quddiem ittra li tinfurmahom li huma eleġibbli kif ukoll jiġi indikat lilhom iċ-ċentru, id-dati u l-ħinijiet minn fejn jistgħu jiġbru l-pakkett/i tal-ikel tagħhom.

Kemm-il darba fis-sena isir dan it-tqassim?

Dan il-pakkett tal-ikel jitqassam darbtejn fis-sena.

Jekk nikkwalifika għal waħda minn dawn il-kriterji x’hemm bżonn li nagħmel?

Il-persuna eleġibbli m’għandhiex għalfejn tissottometti applikazzjoni biex tibbenefika minn dan il-fond.

Jekk inkun eleġibbli għal din l-iskema kif se niġi infurmat?

Dawk kollha li se jibbenefikaw minn dan il-programm se jirċievu bil-quddiem ittra li tinfurmahom li huma eleġibbli kif ukoll jiġi indikat lilhom iċ-ċentru, id-dati u l-ħinijiet minn fejn jistgħu jiġbru l-pakkett/i tal-ikel tagħhom.

Kif nista' napplika għal pożizzjoni mal-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS)?

Tista’ tapplika billi tibgħat id-dokumentazzjoni relevanti msemmija fis-sejħa billi tibgħathom fuq l-indirizz elettroniku: [email protected] jew tibgħathom permezz tal-posta normali. L-applikazzjonijiet li nirċievu wara li tiskadi d-data tal-applikazzjoni, ma jiġux ikkunsidrati.

Lil min nista' nċempel jekk għandi mistoqsijiet dwar ċertu pożizzjoni?

Tista’ ċċempel fuq in-numru tat-telefown 22588900 u ssaqsi għal xi ħadd mir-Riżorsi Umani.

Jekk għandi l-kwalifiki kollha elenkati fis-sejħa, issejħuli għal interview?

Iva. Jekk inti fil-pussess tal-kwalifiċi u l-kriterji kollha meħtieġa elenkati fis-sejħa, inti eventwalment tiġi msejħa/msejjaħ għal intervista.

X'inhu s-salarju li qed jiġi offrut?

Il-Fondazzjoni għandha ftehim kollettiv b’salarji kompetittivi ħafna. Is-salarji jiddependu mill-professjoni li għaliha qed japplika l-individwu

X'tip ta' kuntratti toffri l-Fondazzjoni?

Ladarba l-impjegat jgħaddi b’suċċess il-perjodu ta’ prova, il-kuntratt tal-impjieg isir awtomatikament fuq bażi indefinita.

Nista' napplika għal aktar minn kariga waħda?

Iva, tista’ tapplika għal aktar minn pożizzjoni waħda, sakemm ikollok il-kwalifiki kollha mitluba fis-sejħa.

X'inhu l-perjodu ta' prova tiegħi?

Għall-maġġoranza tar-rekluti l-ġodda, il-perjodu ta’ prova huwa ġeneralment ta’ 6 xhur. Madankollu, għal ċerti professjonisti, il-perjodu ta’ prova huwa dak ta’ 12-il xahar, kif stipulat fil-liġi.

Il-Fondazzjoni toffri taħriġ lill-impjegati tagħha?

Il-Fondazzjoni tipprovdi firxa ta’ taħriġ għall-impjegati kollha, li tibda b’induction għall-impjegati kollha, kif ukoll taħriġ ieħor ta’ benefiċċju matul il-kors tal-impjieg.

X'inhuma l-benefiċċji ta' ħidma mal-Fondazzjoni?

Hemm numru kbir ta’ benefiċċji meta wieħed jaħdem mal-Fondazzjoni. Dawn jinkludu pakkett ta’ salarji tajjeb, tagħmel karriera, sigurtà ta’ xogħol, kisba ta’ esperjenza minn professjonisti oħra permezz ta’ taħriġ u konsulenza.

Meta twaqqaf Id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Internazzjonali?

Id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Internazzjonali beda fi ħdan l-FSWS fl-2017 u minn Marzu 2019 sar jifforma parti mid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Internazzjonali u r-Riċerka.

X’inhi l-missjoni tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Internazzjonali?

Il-missjoni tad-Dipartiment tal-IR hija li jikkoordina, iwettaq u jmexxi l-prattiċi tal-FSWS fejn jidħlu relazzjonijiet internazzjonali u jippromwovi l-interessi u l-valuri tal-FSWS.

X’inhi l-viżjoni tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Internazzjonali?

Il-viżjoni tad-Dipartiment hija li jgħaqqad flimkien diversi setturi fi ħdan l-FSWS fejn jidħlu relazzjonijiet internazzjonali kif ukoll li jtejjeb ir-relazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet internazzjonali li jippjanaw, imexxu u jimplimentaw servizzi soċjali fil-qasam tal-ħarsien soċjali u l-politika soċjali. Id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Internazzjonali jservi wkoll bħala pont għall-possibbiltà li jespandi r-rwol tiegħu fil-qasam Internazzjonali.

X’inhuma l-funzjonijiet tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Internazzjonali?

Id-Dipartiment jiltaqa’ ma’ diversi sfidi meta jindirizza kwistjonijiet riferuti mill-Aġenziji fi ħdan il-Fondazzjoni. Sabiex jindirizzaw il-kwistjonijiet varji u tħassib ieħor, id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Internazzjonali:

Jassistu lill-Aġenziji b’mistoqsijiet relatati ma’ utenti tas-servizz fuq livell internazzjonali;

Jappoġġja lid-Dipartiment tat-Taħriġ u ħaddiema oħra tal-FSWS;

Isegwi r-Rapporti ta’ Vjaġġ ta’ impjegati li jivvjaġġaw għal missjonijiet barra mill-pajjiż;

Żomm kuntatt kostanti ma’ Stakeholders Internazzjonali, inklużi iżda mhux limitati għan-Netwerk Soċjali Ewropew u s-Servizzi Soċjali Internazzjonali; u

Jikkoordina d-dokumentazzjoni internazzjonali u lokali, dossiers, konsultazzjonijiet pubbliċi, u dokumenti oħra.

X’inhuma l-għanijiet prinċipali tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Internazzjonali?

Dawn li ġejjin huma l-għanijiet prinċipali:

• Li jmexxi u jikkoordina r-relazzjonijiet internazzjonali tal-FSWS u jippromwovi s-servizzi tagħha kemm m’entitajiet lokali li jittrattaw l-affarijiet barranin kif ukoll ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali fil-qasam tas-servizzi soċjali.

• Li jipparteċipa b’mod attiv f’laqgħat lokali u internazzjonali, konferenzi u avvenimenti oħra relatati mal-prijoritajiet stabbiliti fil-viżjoni tad-dipartiment.

• Jibqa’ aġġornat mal-bidliet u r-realtajiet ġodda li qed iseħħu fuq livell internazzjonali fi ħdan l-isfera tal-politika soċjali.

• Li jippreserva, irawwem u jkabbar ir-rabtiet mill-qrib li diġà jeżistu mal-organizzazzjonijiet Ewropej u Internazzjonali.

• Li jikkontribwixxi fit-tfassil tal-policies permezz tal-parteċipazzjoni attiva kif mitlub mill-organizzazzjonijiet imsieħba Ewropej u Internazzjonali.

• Jidentifika toroq ġodda sabiex jiġu żviluppati relazzjonijiet ġodda ma’ istituzzjonijiet, organizzazzjonijiet u partijiet interessati oħra lokali u internazzjonali li jaħdmu fl-oqsma tal-ħarsien soċjali, ix-xogħol soċjali u l-politika soċjali.

• Li jipparteċipa b’mod attiv f’delegazzjonijiet, missjonijiet, laqgħat u opportunitajiet oħra li jistgħu jinqalgħu minn żmien għal żmien fil-qasam tal-adozzjonijiet bejn il-pajjiżi.

• Li jassisti f’kollaborazzjoni ma’ aġenziji differenti fi ħdan l-FSWS lit-tfal u l-familji barranin meta jkunu f’diffikultà jew jiċċaqalqu kif u fejn mitlub.

Research Generic Telephone No and Generic Email Address

Generic telephone number: 22588900

Generic email: [email protected]

Minn fejn nista’ nġib statistika dwar is-servizzi tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS)?

L-istatistika li hija disponibbli għall-pubbliku tista’ tinstab fis-sezzjoni tal-pubblikazzjonijiet tal-websitetal-FSWS jew inkella billi wieħed iżur din il-ħolqa: https://fsws.gov.mt/mt/pubblikazzjonijiet/pubblikazzjonijiet/

Talbiet għall-istatistika għall-użu tal-media jistgħu jsiru billi wieħed jikkuntattja lid-Dipartiment tal-Marketing u Komunikazzjoni permezz tal-email: [email protected]

Talbiet għal statistika oħra li mhix diġà pubblikata għandhom isiru billi wieħed jikkuntattja lid-Direttur tal-Operat tal-aġenzija relevanti fil-FSWS, skont is-suġġett tat-talba inkwistjoni. It-talba għandha tispeċifika r-raġunijiet għalfejn qiegħda tintalab l-istatistika. Għandu jintbagħat ukoll kull dokument li jista’ jgħin sabiex it-talba tkun ikkunsidrata.

Huwa possibbli li wieħed jiġbor informazzjoni, għal skopjijiet ta’ riċerka, mingħand membri tal-istaff tal-FSWS u/jew mingħand persuni li jużaw is-servizzi tal-FSWS?

Iva, possibbli. Wieħed ikun irid jibgħat talba għal riċerka lill-Uffiċju tar-Riċerka fi ħdan l-FSWS. Jekk wieħed jaċċessa l-ħolqa https://fsws.gov.mt/mt/talbiet-ghal-ricerka/talbiet-ghal-ricerka/, wieħed jista’ jsib informazzjoni dwar il-proċedura relatata mar-riċerka, kif ukoll il-formola/i li wieħed ikun irid jimla.

Hekk kif l-informazzjoni kollha meħtieġa tintbagħat lill-Uffiċju tar-Riċerka, it-talba tkun ikkunsidrata fuq bażi ta’ numru ta’ kriterji, fosthom ir-relevanza tat-talba għall-FSWS, standards etiċi, l-impatt li t-talba jista’ jkollha fuq is-servizzi u fuq il-persuni li jużawhom, u wkoll, jekk il-parteċipanti meħtieġa għar-riċerka potenzjalment jistgħux jinstabu. Min ikun għamel it-talba għar-riċerka ġeneralment isir jaf bl-eżitu tal-konsiderazzjoni fi żmien erba’ (4) ġimgħat minn mindu d-dokumenti meħtieġa jkunu mibgħuta. Anke jekk it-talba tkun milqugħa, il-membri tal-istaff u/jew min juża s-servizz xorta jibqgħalhom id-dritt tal-għażla dwar jekk jipparteċipawx fl-istudju jew le.

X’inhu x-xogħol tad-Dipartiment tal-Awditjar tas-Servizzi u Assigurazzjoni ta’ Kwalità fi ħdan l-FSWS?

Id-Dipartiment tal-Awditjar tas-Servizzi u Assigurazzjoni ta’ Kwalità għandu funzjoni interna fil-Fondazzjoni Għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali. Ir-rwol tiegħu huwa li jassigura li jkun hemm livell għoli tal-mod kif jingħata servizz mill-Fondazzjoni kollha, inkluż l-Aġenziji fi ħdanha. L-għan tad-Dipartiment huwa li jaċċerta li l-operat huwa ppjanat b’mod strateġiku, li jseħħ u li jkun segwit. Is-sehem, kemm tal-istaff, kif ukoll tal-klijenti, huwa essenzjali sabiex jassisti lid-Dipartiment biex itejjeb il-kwalità tas-servizzi pprovduti.

X’inhuma l-funzjonijiet prinċipali tad-Dipartiment tal-Awditjar tas-Servizzi u Assigurazzjoni ta’ Kwalità?

Id-Dipartiment tal-Awditjar tas-Servizzi u Assigurazzjoni ta’ Kwalità (The Service Audits, Quality Assurance) huwa responsabbli minn numru ta’ dmirijiet. Dawn jinkludu:

Awditjar tas-servizzi u follow ups

Koordinament ta’ rikjesti għal data jew informazzjoni dwar il-Fondazzjoni Għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali

Follow up, koordinament u reviżjoni ta’ strateġiji u standards

Placements ta’ studenti

Akkreditazzjoni tas-servizzi

X’opportunitajiet toffri l-FSWS lill-istudenti?

L-FSWS temmen fl-istudenti u għalhekk tinkoraġixxi ħafna lis-servizzi biex jilqgħu lill-istudenti fis-servizzi. Matul is-sena jkun hemm ħafna talbiet biex studenti jiġu jagħmlu placement fosthom mill-Università ta’ Malta, mill-MCAST, mill-iskejjel postsekondarji u anka internships minn barra minn Malta. L-istudenti u l-placements tagħhom ivarjaw minn ftit sigħat għal xhur. Kull student ikollu contact person mis-servizz fejn ikun se jagħmel il-placement sabiex nassiguraw li l-istudent ikollu/ikollha esperjenza pożittiva waqt il-placement.

Kif tindirizza dan il-bżonn l-FSWS?

L-FSWS temmen li l-istudenti jistgħu jieħdu esperjenza tajba ħafna fl-aġenziji speċjalment meta tqis l-ammont ta’ esperjenza li l-professjonisti fi ħdanha jġorru u anka l-firxa wiesgħa ta’ servizzi li toffri. Il-Fondazzjoni għandha diversi servizzi speċjalizzati u din hi xi ħaġa li l-istudenti jfittxu ħafna.

X’għandi nagħmel biex niġi nagħmel placement mal-FSWS bħala student/a?

Kemm jista’ jkun qed nitolbu li jkunu l-entitajiet li jikkomunikaw magħna speċjalment meta huma gruppi kbar. L-iskop huwa biex nifhmu iżjed xi jkun mistenni mill-placement u anka niddiskutu fejn/liema servizzi l-aħjar jieħdu dawn l-istudenti. Eżempju fil-każ tal-Università ta’ Malta u MCAST, għandna sistema u niġu infurmati minn qabel kemm hemm studenti fil-kors li jkunu se jagħmlu l-placement, u jekk sarx xi tibdil fil-kontenut tal-placement ħalli b’hekk jissodisfa r-rikjesta tal-istudenti.

Għandna mbagħad dawk l-istudenti bħal studenti tas-systems of knowledge li jkunu qed ikellmuna individwalment u dawn naraw fejn ikunu jixtiequ jagħmlu s-sigħat tagħhom u nikkomunikaw mas-servizzi.

Sistema oħra li qed inħaddnu hija li nippruvaw nagħmlu iżjed matching bejn il-bżonn tal-istudent u dak tas-servizzi. Pereżempju, hemm diversi proġetti fil-komunità li jsiru għat-tfal u jkun hemm bżonn voluntiera. Hemmhekk nippruvaw nibagħtu studenti li jkunu jixtiequ jagħmlu ftit sigħat fis-servizzi. Dawn is-sigħat importanti li jkunu fuq bażi regolari.

Persuni jew entitajiet li jixtiequ jagħmlu placement bħala parti mill-istudju akkademiku tagħhom jistgħu jibagħtu email fuq [email protected] jew iċemplu fuq 22588900.

X'inhu l-irwol tas-sezzjoni tal-Ekonomija fi ħdan l-FSWS?

Is-sezzjoni tal-Ekonomija tagħmel riċerka li tiffoka fuq l-ispejjeż u l-benefiċċji tas-servizzi provduti mill-FSWS kif ukoll analażi tal-effettività tas-servizzi.