FAQ's
Acts
Kull individwu li jgħix fil-lokalitajiet li jagħmlu parti mir-reġjun ta’ Ċentri tal-Familja fil-komunità huwa eliġibbli għal dan is-servizz. Għaldaqstant, għandek issib lista kompluta ta’ lokalitajiet billi tagħfas hawn.
Is-Servizzi fil-Komunità għandhom l-għan li jgħinuk biex ikollok kwalità ta’ ħajja aħjar fil-komunità tiegħek. Dan jintlaħaq billi ngħinuk tibni sapport soċjali, u tagħmel użu mis-servizzi u riżorsi li hemm għad-dispożizzjoni tiegħek.
Is-sapport tagħna lill-familji nagħtuh billi l-ewwel nagħmlu assessjar tas-sitwazzjoni soċjali preżentata. L-għan tagħna hu li nagħtu lill-familji l-ħiliet neċessarji biex jindirizzaw l-ostakli li jkunu qegħdin jiltaqgħu magħhom f’mument ta’ kriżi. Fil-ħidma tagħna mal-familji, aħna niffukaw fuq aspetti ta’ ħajja aktar sana, tisħiħ tal-ħiliet fit-trobbija tal-ulied u relazzjonijet fil-familja. Naħdmu fuq aspetti ta’ diffikultajiet legali, prospetti ta’ edukazzjoni u xogħol, stabbiltà fid-dar u għarfien finanzjarju.
Għas-servizzi ta’ ħidma soċjali u mentoring, inti tista’ tasal wasla saċ-Ċentru tar-reġjun tiegħek, jew billi ċċempel għal appuntament. Professjonisti jew servizzi li inti diġà qed tieħu servizz mingħandom jistgħu jirreferuk għas-servizzi tagħna wkoll jekk iħossu li nistgħu nkunu ta’ benefiċċju għalik. Għas-servizzi ta’ psikoterapija, terapija tal-familja, u counselling, kif ukoll għall-progammi għall-ġenituri u l-ulied – The Incredible Years®, irid issir assessjar speċifiku jew inkella tkun diġà qed tirċievi xi servizz minn dawk imsemmija hawn fuq.
Iva, għas-servizzi ta’ ħidma soċjali u mentoring, inti tista’ tasal wasla saċ-Ċentru tar-reġjun tiegħek, tibgħat email jew iċċempel għal appuntament. Għas-servizzi ta’ psikoterapija, terapija tal-Familja, u counselling, kif ukoll għall-progammi għall-ġenituri u l-ulied – The Incredible Years®, il-ħaddiema soċjali kif ukoll il-mentors ikunu jistgħu jirreferuk jekk jidentifikaw li dan is-servizz jista’ jkun ta’ benefiċċju għalik.
Aħna nagħmlu ħilitna biex meta tiġi għall-għajnuna tagħna jkun hemm professjonisti li jkunu jistgħu jisimgħu fuq dak li jkun qed jinkwetak. Biex inkunu nistgħu nibdew bis-servizz, inti tintalab timla formula ta’ kunsens. Wara li jsir assessjar inizjali, dan ikun segwit bi qbil ta’ kif ikun ser jingħata s-servizz.
Meta tiffirma l-formula ta’ kunsens inti tkun qed taqbel li ser naħdmu flimkien u tkun qed ittina permes li nżommu l-informazzjoni dwarek fuq is-sistemi tagħna. Din id-data tinżamm b’mod sigur u ma tkunx aċċessibbli għal ħaddieħor barra mis-servizz. Il-formola tal-kunsens tikkonforma mal-linji gwida tal-Att dwar il-Protezzjoni u l-Privatezza tad-Data, Kapitlu 568 tal-Liġijiet ta’ Malta. Inti jkollok id-dritt li tirtira dan il-kunsens meta trid. F’dan il-każ aħna ma nkunux nistgħu nkomplu noffru s-servizz.
Fil-ftiehem dwar is-servizz ikun hemm imniżżel dak kollu li jkun ġie maqbul bejnek u l-professjonist dwar is-servizz li ser jingħata lilek. Ħafna drabi jkun hemm imniżżel id-drittijiet, doveri u r-responsabbiltajiet taż-żewġ partijiet u l-għanijiet tar-relazzjoni soċjo-terapewtika. L-oġġettivi li nippjanaw, ikunu speċifiċi u li jistgħu jintlaħqu b’impenn minn kulħadd.
Dawn it-tipi ta’ proġetti huma mmirati biex jagħtu sapport lill-familji billi nsaħħu l-ħiliet tat-trobbija tat-tfal biex nassiguraw il-ġid tal-familji.
L-għan tal-proġetti fil-komunità hu li nsaħħu l-parteċipazzjoni. Dan isir billi nsaħħu l-ħiliet permezz ta’ taħriġ li jservi biex flimkien nagħtu ħajja aktar sana lill-komunità.
Aħna nemmnu fil-familji. F’kulma nagħmlu naraw li jkun mibni fuq evidenza. Il-membri tal-istaff li jkunu msejħa biex jaħdmu miegħek huma kollha professjonisti.
Is-servizzi tagħna jingħataw kemm fuq livell individwali, kif ukoll bħala familja
Is-servizzi tagħna huma kunfidenzjali, barra f’ċirkostanzi li b’dak li tgħid nindunaw li hemm riskju għalik jew għal ħaddieħor. Sa fejn tista’ tasal il-kunfidenzjalità jkun spjegat lilek mill-professjonisti. Din l-ispjegazzjoni ssir kull meta jew kemm-il darba jkun hemm bżonn. Inti tkun infurmat f’każ li naraw il-bżonn li niksru l-kunfidenzjalità u nispjegawlek il-proċess li tieħu. Jista’ jkun il-każ li biex inkunu konformi mal-liġi, ikollna nagħmlu rapporti lill-awtoritajiet kompetenti. Is-servizzi tagħna huma kollha bla ħlas.
Aħna nagħmlu ħilitna biex nibdew nagħtu servizz mill-aktar fis possibbli, però dan huwa determinat minn ċirkostanzi diversi. Jekk is-servizz ma jkunx ser jingħata mill-ewwel, aħna nżommuk infurmat. Sitwazzjonijiet urġenti jkunu indirizzati mill-ewwel. Is-servizzi tagħna huma volontarji, għaldaqstant inti tista’ twaqqaf dan is-servizz f’kull stadju. F’każ li tiddeċiedi li tittermina s-servizz u b’riżultat ta’ dan jista’ jkun hemm ħsara għalik jew għal ħaddieħor, l-awtoritajiet relevanti jkunu infurmati.
F’ħafna mis-sitwazzjonijiet, aħna nitolbu l-permess tiegħek biex inkellmu lit-tfal tiegħek. Biss, skont l-Att dwar il-Protezzjoni tat-Tfal (Ħarsien Alternattiv) il-liġi tal-Protezzjoni tal-Minuri – Kapitlu 602 tal-Liġijiet ta’ Malta, bħala professjonisti aħna obbligati li nirrapurtaw f’każ li jkun hemm ċirkostanzi t’abbuż fuq minorenni. Jekk it-tfal jagħtu xi informazzjoni relatata ma’ abbuż, aħna nkomplu nkellmu lit-tfal biex nieħdu aktar dettalji fuq is-sitwazzjoni. Kull azzjoni tittieħed skont il-każ u din l-azzjoni taf tkun tinvolvi li nkellmu lilek biex naraw kif nistgħu nkunu t’għajnuna għalik ukoll.
Huwa l-pjaċir tagħna li nassistuk biex ikollok aċċess għal servizzi oħra li flimkien naraw li huma neċessarji għall-benessere tiegħek. Dan kollu jsir parti mill-pjan ta’ kura tiegħek.
Is-servizz tal-mentoring iservi bħala għajnuna biex int tkompli ssaħħaħ il-motivazzjoni u l-impenn tiegħek fit-tibdil għal ħajja aħjar. Ix-xogħol tagħna jkun iggwidat mix-xewqat u l-valuri tiegħek. Aħna ngħinuk fit-twettiq tal-pjan li jindirizza l-ostakli li qed tiltaqa’ magħhom, speċjalment f’setturi li huma fis-sisien tas-servizz tagħna bħal: l-entużjażmu u ħeġġa lejn ix-xogħol u lejn studju matul il-ħajja, għarfien ta’ kif tieħu ħsieb flusek u takkwista stabbiltà fid-dħul tiegħek, ħiliet li jwasslu għall-akkomodazzjoni u stabbiltà fid-dar u trawwim ta’ ħiliet fit-trobbjia tal-ulied.
Il-pjan ta’ kemm ħa jtawwal is-servizz ikun miftiehem fil-pjan ta’ kura li jsir bi qbil bejnek u l-professjonisti.
Il-ħaddiema soċjali jgħinuk fil-problemi soċjali li jkunu tqal biex iġġorrhom waħdek. Barra minn hekk, jaħdmu biex isaħħu l-valur li nieħdu ħsieb xulxin bħala membri tal-istess komunità. Għaldaqstant, joffrulek għajnuna biex inti tindirizza l-problemi li għandek filwaqt li jgħinuk tibni s-sapport soċjali tiegħek. Jgħinuk ukoll taċċessa servizzi li huma ta’ għajnuna għalik. Dawn jitqiesu bħala riżorsi importanti li jgħinuk tasal għall-għanijiet miftiehma fil-pjan ta’ kura.
Kultant, kemm bħala individwi u bħala familji ngħaddu minn żminijiet ta’ inkwiet jew kunflitt. It-terapisti tal-familja jgħinu lill-membri tal-familja jifhmu dak li jkunu għaddejjin minnu, lil xulxin, kif ukoll jissapportjaw lil xulxin, filwaqt illi jużaw ir-riżorsi individwali biex jaffrontaw dak li jkun qed jinkwetahom. Il-counsellors huma professjonisti li ħadu t-taħriġ neċessarju biex jiggwidaw lil min ikollu l-bżonn jaffronta sitwazzjoni psiko-soċjali. Il-psiko-terapisti jgħinu fl-immaniġjar ta’ diffikultajiet interpersonali, bħal diffikultajiet ta’ ansjetà, stress, dipressjoni, ċikli ta’ mġiba negattiva jew inkella kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali.
It-tfal ma jiġux b’xi manwal magħhom, għalhekk aħna rridu nsibu tarf kif inrabbuhom bl-aħjar mod possibbli. Il-kowċijiet li jmexxu l-progammi għall-ġenituri u l-ulied – The Incredible Years®, għandhom it-taħriġ biex jagħtu sapport lill-ġenituri fl-immaniġjar ta’ mġiba diffiċli. Dan il-programm ta’ mġiba, jindirizza wkoll sitwazzjonijiet fejn it-tfal ikollhom diffikultajiet soċjali jew ta’ żvilupp.
Meta ngħidu li naħdmu b’mod multi-dixxiplinarju, ifisser li l-professjonisti kollha (mentors, ħaddiema soċali, ħaddiema tal-izvilupp tal-komunità, terapisti tal-familja, psiko-terapisti, counsellors’ u kowċijiet li jmexxu l-progammi għall-ġenituri u l-ulied – The Incredible Years®,) jaħdmu flimkien bħala tim. Dan isir biex nassiguraw li l-familji u l-individwi jingħataw servizz sħiħ. Dan jista’ jsir permezz ta’ interventi differenti li meta jitħalltu flimkien nħossu li jistgħu jħallu aktar riżultat effetiv.
Il-pjan ta’ kura jkun iffirmat kemm minnek u l-professjonisti, u jkun marbut b’data ta’ tlestija. Kopja tal-pjan tingħata lilek biex iżżommha bħala referenza. F’dan il-pjan ta’ kura jniżżlu kull intervent li bħala professjonisti nippjanaw li għandu jsir, dejjem bi qbil miegħek. Dan il-pjan jiġi evalwat kull tant żmien u jiġi mġedded skont il-bżonn.
L-inklużjoni soċjali tirrikonoxxi l-valur ta’ kull persuna bħala membru tas-soċjetà, filwaqt li ssaħħaħ l-aċċess għal kulħadd fejn jidħlu aspetti ta’ edukazzjoni, xogħol, u attivitajiet soċjo-kulturali. Aktar minn hekk, l-inklużjoni soċjali tagħmel ċert li kulħadd għandu drittijiet, aċċess għar-riżorsi, u opportunitajiet li jgħinu għall-milja tal-persuna.